Konferenza Nazzjonali tesplora l-viżjoni għal Akkademja Nazzjonali tal-Arti Viżiva u Performattiva f’Malta

Neville Gafa

~ 1 day ago

Konferenza Nazzjonali tesplora l-viżjoni għal Akkademja Nazzjonali tal-Arti Viżiva u Performattiva f’Malta

Il-Kunsill Malti għall-Arti, bħala parti mill-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali, flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, organizzaw konferenza bit-titolu ‘Shaping the Future: National Arts Education Conference’ – konferenza nazzjonali li ġabret partijiet ikkonċernati, edukaturi u prattikanti kulturali minn Malta u minn diversi pajjiżi Ewropej.

 

Waqt il-konferenza ġew diskussa l-futur tal-edukazzjoni fl-arti u l-iżvilupp ta’ Akkademja Nazzjonali għall-Arti Viżiva u Performattiva f’Malta, bil-għan li tinbena ekosistema edukattiva aktar b’saħħitha u uniformi li tirrifletti l-aspirazzjonijiet kulturali u viżjoni fit-tul tal-pajjiż.

 

Il-konferenza kienet organizzata fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST f’Raħal Ġdid, bi programm li inkluda diskorsi, preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ pożizzjoni minn diversi istituzzjonijiet, u panel magħmul minn prattikanti u mexxejja internazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura. Il-kelliema u parteċipanti kellhom l-opportunità li jagħtu ħarsa lejn l-isfidi, l-opportunitajiet u l-investimenti meħtieġa biex jinbena qafas sostenibbli u orjentat lejn il-futur għal setturi kreattivi u edukattivi ta’ Malta.

 

 

Owen Bonnici

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li: “Huwa kruċjali li nfasslu sistema li toffri edukazzjoni artistika b’saħħitha biex, hekk kif wegħdna fil-manifest elettorali, inkunu nistgħu inrawmu ġenerazzjoni kreattiva li kapaċi taħseb b’mod kritiku u sostenibbli, filwaqt li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti fis-soċjetà. B’dan il-għan, qegħdin nsaħħu l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-istituzzjonijiet edukattivi u s-settur kulturali. Permezz tad-direzzjoni li toffri Viżjoni Malta 2050, qed noħolqu approċċ magħqud li jwassal għal aktar opportunitajiet, u li joffri liż-żgħażagħ il-ħiliet u l-kunfidenza biex jiżviluppaw il-potenzjal kreattiv tagħhom.”

 

Clifton Grima

 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima saħaq dwar l-importanza li għandha l-edukazzjoni fl-arti fil-formazzjoni ta’ soċjetà kreattiva u olistika. “Qed naħdmu biex inkomplu nibnu sistema edukattiva li tagħti spazju lill-kreattività u lill-espressjoni artistika bħala parti mill-iżvilupp personali ta’ kull student. Permezz ta’ kollaborazzjonijiet bħal ma’ qed toffri din il-konferenza, se nkunu qed noħolqu aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jiskopru u jiżviluppaw it-talent tagħhom. Din il-konferenza hija wirja ċara tal-impenn tal-gvern biex inkomplu ninvestu fit-tagħlim kreattiv u fl-arti bħala parti integrali mill-edukazzjoni f’Malta.”

 

 

Luke Dalli

 

 

Luke Dalli, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal “Din l-inizjattiva kollettiva tirrifletti l-impenn strateġiku tal-Kunsill lejn il-professjonalizzazzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi. Din il-konferenza kompliet tgħin biex titwitta t-triq lejn aċċessibbiltà universali għall-kultura bħala dritt fundamentali ta’ kull student u ċittadin. Qed naħdmu biex nibnu strutturi li jsaħħu lill-artisti u lill-prattikanti f’dan is-settur biex ikunu jistgħu jiżviluppaw karrieri sostenibbli, filwaqt li niżguraw li l-arti tibqa’ miftuħa, inklussiva u rilevanti għall-komunitajiet kollha. Din il-konferenza hija pass sinifikanti biex infasslu viżjoni fit-tul għal edukazzjoni kulturali li tassew tirrifletti ir-realtajiet soċjali u kreattivi ta’ Malta.”

 

Il-konferenza fetħet b’diskors ewlieni minn Prof. Helena Gaunt, Prinċipal tar-Royal Welsh College of Music & Drama, segwit minn preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ pożizzjoni minn istituzzjonijiet ewlenin fosthom il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, il-Kunsill Malti għall-Arti, id-Direttorat tal-Kultura, l-Iskola Maltija tal-Arti Viżiva u Performattiva (MVPA), il-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli (MAVC), il-Bord tal-Eżamijiet MATSEC, kif ukoll diversi dipartimenti tal-Università ta’ Malta u tal-MCAST.

 

Il-panel, immexxi minn Dr Giuliana Fenech, offra spazju għal skambju ta’ esperjenzi u ideat bejn rappreżentanti ta’ xi wħud mill-aktar istituzzjonijiet rispettati fl-edukazzjoni artistika fl-Ewropa. Fost il-kelliema internazzjonali kien hemm Christoph Lang, Rettur tal-F+F School of Art and Design fi Zurich; Kaarlo Hildén, Rettur tal-Università tal-Arti f’Helsinki; Prof. Karolina Šantl Zupan, Dekana tal-Akkademja tal-Mużika fl-Università ta’ Ljubljana; Dr Lisa Peck, Lettur Anzjan fil-Prattika tat-Teatru u l-Performanza fl-Università ta’ Sussex; u Dr Sharon Watson, Kap Eżekuttiv u Prinċipal tan-Northern School of Contemporary Dance f’Leeds. Il-panel iddiskuta ukoll kif il-mudelli Ewropej tal-edukazzjoni fl-arti qed jevolvu biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet kreattivi, kulturali u soċjali tal-lum.

 

Din il-konferenza tagħmel parti mill-proċess ta’ riċerka u konsultazzjoni li għaddej dwar il-proposta għall-istabbiliment ta’ Akkademja Nazzjonali għall-Arti Wirja u Performattiva, inizjattiva strateġika li tinsab fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024 – 2030. Il-konferenza kienet miftuħa għall-edukaturi, artisti, mexxejja kulturali, dawk li jfasslu l-politika, riċerkaturi u studenti li jixtiequ jikkontribwixxu għall-futur tal-edukazzjoni fl-arti f’Malta.

 

Għal aktar informazzjoni żur is-sit https://artscouncilmalta.gov.mt.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *