Tul dawn ix-xahrejn li ħdimt fil-Gvern stajt nosserva bosta sitwazzjonijiet li qed iwasslu għal rabja fost in-nies.
Għalkemm l-Eżekuttiv qed jaħdem u jkattar il-ġid, sfortunatament hemm ċerti rjus għolja fiċ-ċivil li b’għemilhom, jew bin-nuqqas ta’ għemilhom, qed jurtaw ħafna nies.
Ejja ngħidu l-verità; il-maġġoranza ta’ dawk li jokkupaw karigi għolja fiċ-ċivil qed jagħmlu xogħol kbir u b’dedikazzjoni.
Wieħed ma jistax ma jsemmix dawk li jmexxu d-Dipartimenti tas-Servizzi Soċjali.
Iżda imbagħad ssib numru minnhom li qishom qed jagħmlu minn kollox biex idejqu n-nies bil-konsegwenza li jidher ikrah il-Gvern.
Għall-ewwel kont naħseb li n-nies qed jesaġeraw, però ġaladarba kont fuq ġewwa, allura bdejt nikkonferma dak li jgħid il-populin.
Nemmen li dawn l-individwi llum qed idoqqu il-vittorja, għax jien m’għadnix nokkupa l-kariga li kelli fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Għax għandkom tkunu tafu li jien ma ħallejthomx kwieti. L-arroganza ta’ dawn il-gran allat ma nafx niddiskriviha. U min jafni, jaf tajjeb li jien ma nħalliha għaddejja lil ħadd.
Dawn l-allat foloz li huma mħallsin tajjeb ħafna mit-taxxi tagħkom, flok jiffaċċilitaw u jtejbu l-qagħda ta’ dawk li jirrikorru għandhom għall-għajnuna, jagħmlu minn kollox biex iġibu ħajjet miżerja tal-istess ħaddiema li jkunu ħabbtulhom il-bieb għall-għajnuna.
Ħafna drabi, dawn il- ħaddiema jkunu qed jitolbu affarijiet żgħar li iżda tagħmel differenza kbira f’ħajjithom, per eżempju xi trasferiment intern f’xi post tax-xogħol. Iżda dawn l-allat foloz li għandhom is-setgħa li b’daqqa ta’ firma jiffaċċilitaw, jispiċċaw iħallu lil dawn l-individwi mdendlin għal bosta snin.
Illum iddeċiedejt ma nsemmix ismijiet, iżda mhux se niddejjaq nesponi wħud minnhom fil-jiem li ġejjin.
Daħħluha f’raskom – jien minn nies jinteressani. Nibqa’ niddefendi lil dawn in-nies. Dawn jiġu l-ewwel, intom tiġu wara.

