F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tkellem dwar kif dan il-Gvern qiegħed jalloka l-akbar ammont ta’ budget fil-qasam tal-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, b’total ta’ aktar minn €93 miljun. Dan ifisser żieda ta’ 11% fl-allokazzjoni finanzjarja f’dawn is-setturi fuq is-sena li għaddiet.
Fi żjara mal-membri tal-midja fil-binja tal-Qorti l-Ministru Attard irrefera għal investiment bla preċedent fis-sistema tal-Qrati li qed tkompli twassal għal aktar speċjalizzazzjoni.

Din is-sena l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti għandha żieda ta’ 8% fl-allokazzjoni finanzjarja meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Dan l-investiment bla preċedent qiegħed jissarraf f’titjib sostanzjali fl-infrastruttura, fl-immodernizzar u f’aċċessibbiltà aħjar ta’ servizzi għall-pubbliku.
Waħda mit-tibdiliet l-aktar sinifikanti kienet il-ftuħ tal-awla l-ġdida tal-ġurijiet fil-binja prinċipali tal-Qorti li ppermettiet li għall-ewwel darba jsiru ġurijiet simultanjament. Dan wassal biex din is-sena, li waslet biex tintemm, se jkunu saru rekord ta’ 18-il ġuri. Dan iffiser li din is-sena se jkunu saru aktar mid-doppju tal-ġurijiet li kienu jsiru fis-snin preċedenti, fejn medjament kienu jsiru massimu ta’ 8 fis-sena. L-awla ġiet mgħammra b’apparat modern u tablets għall-ġurati biex jitnaqqas sostanzjalment l-użu tal-karta, b’aktar sostenibbiltà, effiċjenza u aktar professjonalità.
Irrefera għal uħud mir-riformi leġislattivi li ġew implimentati, inkluż ir-riforma fl-inkjesti Maġisterjali. Din ir-riforma li waslet għall-ispeċjalizzazzjoni, b’4 maġistrati ffukati fuq din il-funzjoni biss, diġà jidher b’mod ċar li qed tħalli l-effett maħsub, fejn sa mit-twaqqif ta’ din is-sezzjoni fl-2024, sal-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena, daħlu 1,251 inkjesta maġisterjali u ntemmu aktar minn 830 minnhom. Dan ifisser clearance rate ta’ aktar minn 65%.

Il-Ministru spjega li l-proċess tal-immodernizzar mhux limitat għall-proġetti infrastrutturali, fejn b’aktar investiment fir-riżorsa umana komplew jiżdiedu s-servizzi diretti għaċ-ċittadini. Is-servizz tal-helpdesk, li beda jopera fl-2024, diġà assista 886 persuna li marru l-Qorti b’mod fiżiku biex jiksbu informazzjoni u gwida dwar il-proċeduri tagħhom.
“Dan is-servizz qed jipprovdi spjegazzjoni immedjata, u qed jindirizza waħda mill-ikbar frustrazzjonijiet tal-pubbliku: in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar fejn għandhom imorru u f’liema stadju waslet il-kawża tagħhom,” saħaq il-Ministru Attard.
Fejn tidħol teknoloġija u diġitalizzazzjoni l-Ministru Attard tkellem dwar l-investiment fil-control room u sistemi interni li qed itejbu l-koordinazzjoni u jsaħħu l-element ta’ sigurtà b’riżultati diretti fuq l-operat ta’ kuljum.

Il-Ministru semma wkoll il-pass importanti fid-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-Qorti. Kważi €2 miljun investiti f’sistema awdjo ġdida fl-awli kollha ta’ Malta u Għawdex, li qed jiżguraw rekordjar aktar sigur u affidabbli, filwaqt li s-sistema l-ġdida CMIS se tikkonċentra l-ġestjoni tal-kawżi u ttejjeb id-distribuzzjoni tal-każijiet fost il-membri tal-ġudikatura.
Filwaqt li saħaq li dawn ir-riżultati huma frott viżjoni ċara li qed tpoġġi l-ġustizzja moderna fil-qalba tal-prijoritajiet tal-Gvern, il-Ministru temm jirringrazzja lill-impjegati kollha tal-qorti, lill-membri Ġudikatura, l-Avukati u Prokuraturi Legali għall-ħidma tagħhom, u tenna li l-Gvern se jkompli jagħmel l-investiment meħtieġ biex is-sistema ġudizzjarja tkompli tgħola fl-istandards, tkun aktar effiċjenti u aktar aċċessibbli għall-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, Vanessa Grech sostniet li minbarra l-investiment li dawk preżenti setgħu jassistu għalih b’mod fiżiku bi żjara fil-Qorti, l-aġenzija wettqet proġetti importanti oħra. Dawn jinkludu ristrutturar fis-sezzjoni tas-subbasti fejn preżentament qed joperaw minn uffiċini iktar moderni u spazjużi.
Sar it-trasferiment tal-uffiċini tal-Maġistrati Inkwerenti, ir-reġistru ta’ Qorti ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja, il-Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Notarili u l-uffiċċju tal-pubblikazzjoni tal-atti għal Palazzo Conte. Din hija binja li ġiet inawgurata f’Settembru li għadda li mhux biss hija attrezzata b’uffiċini moderni, iżda tinkludi wkoll żewġ awli li qed jintużaw mill-Maġistrati Inkwerenti u mill-Imħallef li jippresjedi l-Qorti ta’ Revizjoni Notarili.

Jassisti lill-Ministru u lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea.

