Il-Gvern jassigura propjetà għal Qorti ġdida f’Għawdex

Neville Gafa

~ 9 hours ago

Il-Gvern jassigura propjetà għal Qorti ġdida f’Għawdex

Il-Gvern għamel pass importanti biex itejjeb l-infrastruttura ġudizzjarja f’Għawdex permezz tal-iffirmar tal-konvenju għall-akkwist tal-propjetà tal-eks Downtown Hotel fi Triq l-Ewropa, Victoria. Dan l-iżvilupp se jkun qiegħed iwitti t-triq għal binja ġdida, moderna u aktar aċċessibbli għall-Qorti li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-komunità Għawdxija.

 

 

 

 

 

 

Il-propjetà ntgħażlet wara proċess estensiv ta’ valutazzjoni u analiżi rigoruża ta’ kriterji ewlenin, fosthom il-post, l-aċċessibbiltà, id-daqs, l-istatus legali, il-konformità ma’ standards tas-sigurtà, il-potenzjal għall-iżvilupp, u l-vijabbiltà finanzjarja. Minn fost il-11-il sottomissjoni li daħlu waqt il-Konsultazzjoni Pubblika fis-Suq, l-eks lukanda ħarġet bħala l-aktar għażla teknika u finanzjarjament sostenibbli. Il-proprjetà li tinsab fil-qalba tar-Rabat toffri aċċessibbiltà eċċellenti u spazju biżżejjed għal iżvilupp f’binja ta’ Qorti kontemporanja. Il-vijabbiltà għall-iżvilupp, il-prezz tax-xiri ta’ €6,325,000, u l-ispiża pjanata għall-iżvilupp komplew jikkonfermawha bħala l-għażla preferuta.

 

Għal għexieren ta’ snin, il-Qrati ta’ Għawdex ilhom joperaw minn bini storiku tas-seklu sbatax fiċ-Ċittadella. Filwaqt li dan is-sit ta’ wirt kulturali serva lill-gżira b’mod diċenti, iż-żieda fil-każijiet u ħtiġijiet leġiżlattivi li evolvew għamlu l-binja waħda inadegwata. Il-bżonn urġenti ta’ aċċessibbiltà aħjar, konformità ma’ standards tas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll faċilitajiet ġudizzjarji moderni wassal għall-ħtieġa li jinstab post ġdid. L-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti nediet Konsultazzjoni Pubblika fis-Suq f’Novembru tal-2022 biex tidentifika propjetajiet xierqa skont ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku. Wara l-approvazzjonijiet meħtieġa, in-negozjati wasslu għall-iffirmar tal-konvenju. Ix-xogħol ta’ żvilupp ta’ din il-Qorti mhux mistenni jaqbeż it-tliet snin.

 

 

 

 

 

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard qal li dan huwa pass sinifikanti għas-settur tal-ġustizzja f’Għawdex. Huwa saħaq li, “Wara snin ta’ diskussjoni u ppjanar, qed inwasslu l-wegħda tagħna li nipprovdu Qorti moderna u aċċessibbli li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada. Il-ġustizzja qatt m’għandha titpoġġa f’riskju minħabba limitazzjonijiet infrastrutturali, u dan il-proġett jiżgura li l-Għawdxin ikollhom aċċess ugwali għall-ġustizzja f’ambjent dinjituż.”

 

 

 

 

 

 

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri rringrazzja lill-Ministru Jonathan Attard u lill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għall-ħidma tagħhom f’dan l-investiment f’Għawdex. “Nilqgħu dan il-pass li kien tant bżonnjuż sabiex il-Qorti f’Għawdex ikollha binja aċċessibbli u li tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-lum il-ġurnata. Dan hu investiment importanti li qed isir fil-gżira Għawdxija sabiex dawk kollha li jaħdmu fil-Qrati ta’ kuljum kif ukoll iċ-ċittadini jkollhom Qorti attrezzata għall-esiġenzi kollha u nħarsu ‘l quddiem sabiex issa jibdew ix-xogħlijiet biex tiġi kkonvertita.”

 

 

 

 

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, ġie ppreżentat walkthrough u espressjonijiet artistiċi tad-disinn propost tal-binja tal-Qorti, li taw stampa aktar ċara tal-iżvilupp pjanat u l-benefiċċji tagħha għall-komunità. Dr Vanessa Grech, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti, tat ħarsa dettaljata lejn il-proċess li wassal għal dan l-akkwist, u spjegat il-passi meħuda mill-konsultazzjoni inizjali fis-suq sal-ftehim finali.

 

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar Mario Borg, u l-amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *