Innovazzjoni diġitali għal pajjiżna: Jitnieda l-eMuseum minn Heritage Malta b’eluf ta’ artifatti storiċi issa aċċessibbli online

Neville Gafa

~ 10 hours ago

Innovazzjoni diġitali għal pajjiżna: Jitnieda l-eMuseum minn Heritage Malta b’eluf ta’ artifatti storiċi issa aċċessibbli online

Tnieda l-eMuseum, pjattaforma ġdida online li tagħti lill-pubbliku aċċess bħal qatt qabel għall-kollezzjoni nazzjonali ta’ Malta b’eluf ta’ artifatti storiċi li issa qed ikunu aċċessibbli online. It-tnedija timmarka wkoll il-ftuħ tal-Fiera tal-Karrieri tal-aġenzija Patrimonju Malta (Heritage Malta) li se tittella’ fi tmiem din il-ġimgħa, biex b’hekk tħejji l-atmosfera għal jumejn iddedikati biex juru l-bosta professjonijiet u opportunitajiet fis-settur tal-wirt kulturali ta’ Malta. ​​

 

Waqt it-tnedija, li saret fil-kwartieri tal-aġenzija f’Bighi, il-Kalkara, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tenna li “Wara erba’ snin ta’ xogħol dedikat minn kuraturi, konservaturi, u speċjalisti tad-diġitizzazzjoni, l-eMuseum issa jagħmel kważi 3,000 artifatt mill-mużewijiet u l-kollezzjonijiet ta’ riżerva ta’ Heritage Malta aċċessibbli online, b’oħrajn jiżdiedu regolarment.”

 

 

 

 

 

“Din l-inizjattiva tirrappreżenta pass importanti fid-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali tagħna, u se tqiegħed lil Malta fuq quddiem nett f’dan il-qasam. Huwa qal li permezz tal-eMuseum, il-pubbliku mhux biss se jkun jista’ japprezza aħjar il-kollezzjoni nazzjonali, iżda wkoll se jingħata l-opportunità li jesplora, jistudja u jinteraġixxi magħha b’mod innovattiv, minn kullimkien fid-dinja,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Il-kollezzjoni tinkludi oġġetti minn MUŻA – Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità, il-Mużew Marittimu ta’ Malta, u l-Mużew tal-Arkeoloġija ta’ Għawdex, fost oħrajn. L-utenti jistgħu jfittxu qalb l-artefatti bl-isem jew bid-data, f’wirjiet passati, jew il-mużew fejn jinżammu, u jikkuraw il-kollezzjonijiet personali tagħhom ta’ oġġetti favoriti.

 

 

 

 

 

Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, saħaq li “Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ il-qagħda ta’ Heritage Malta bħala aġenzija li tħares dejjem ‘il quddiem, tantiċipa x-xejriet tal-futur, tħaddanhom u tħaddimhom. Il-portal jiftaħ il-bibien beraħ għall-edukazzjoni, sħubijiet ġodda li jittraxxendu l-fruntieri u opportunitajiet ġodda ta’ diplomazija kulturali, u aktar trasparenza fil-mod kif Heritage Malta tieħu ħsieb u tinterpreta l-assi kulturali ta’ pajjiżna. Din it-tnedija ma timmarkax it-tmiem tat-triq, imma l-bidu ta’ vjaġġi ġodda u eċċitanti fl-avventura ta’ Heritage Malta fil-qasam tad-diġitizzazzjoni.”

 

Filwaqt li rringrazzja mill-qalb lill-istaff tat-Taqsima tat-Teknoloġija u l-Iżvilupp tal-Esperjenza (TED) fi ħdan Heritage Malta għall-ħidma, id-dedikazzjoni u l-professjonalità tagħhom, Anthony Cassar, il-Kap tat-Taqsima, qal li, “L-eMuseum huwa wegħda li se nkomplu nippreservaw, naqsmu u nippromovu l-wirt kulturali tagħna b’mod inklużiv, innovattiv u sostenibbli. Din tifforma parti minn sensiela akbar ta’ inizjattivi, fosthom il-kunċett tal-Memory Twin, metodu ta’ diġitizzar li qed jiġi żviluppat mal-UNESCO Chair għall-Wirt Kulturali Diġitali, li jiżgura li dak li niġbru diġitalment jirrifletti l-verità sħiħa tal-wirt kulturali, mhux biss il-forma viżiva tiegħu.”

 

Biex tikkomplementa din il-kisba diġitali importanti, Heritage Malta qed torganizza Fiera tal-Karrieri, li se tittella’ fil-kwartieri tal-aġenzija f’Bighi, il-Kalkara, matul dan it-tmiem il-ġimgħa, mid-9:00am sal-5:00pm. L-aġenzija qed tistieden lill-pubbliku jesplora l-għażliet professjonali varji li jgħinu biex jissawwar il-ġejjieni tal-wirt kulturali ta’ Malta.

 

Kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd, il-viżitaturi se jiltaqgħu mal-esperti li jissalvagwardjaw il-wirt kulturali ta’ Malta – inklużi kuraturi, arkeologi, konservaturi, xjentisti, periti, bennejja, mastrudaxxi, u bennejja tad-dgħajjes, isegwu taħditiet interessanti u dimostrazzjonijiet live, u jiksbu tagħrif dwar opportunitajiet ta’ volontarjat għal individwi interessati li jiddedikaw ftit minn ħinhom biex jgħinu lill-aġenzija fil-missjoni tagħha.

 

Għall-programm sħiħ idħol hawn:

 

https://heritagemalta.mt/heritage-malta-careers-fair-2025/.

 

Lil hinn minn sempliċiment aċċess, il-pjattaforma – li tinsab hawn: emuseum.heritagemalta.mt – hija ddisinjata bħala ambjent dinamiku li jiffaċilita l-esplorazzjoni u t-tagħlim.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *