Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni jaħtar Bord Amministrattiv biex jirrevedi l-proċeduri tal-kustodja tal-esibiti fil-Qorti ta’ Għawdex.

Jonathan Attard
Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, filwaqt li ġie assigurat li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati qed tikkoopera bis-sħiħ mal-Qorti u mal-Pulizija fl-inkjesta maħtura b’rabta ma’ esebit fi flus kontanti fil-Qorti ta’ Għawdex, se jkun qiegħed jaħtar Bord Amministrattiv biex iwettaq reviżjoni komprensiva tal-proċeduri relatati mal-kustodja ta’ oġġetti li jkunu ġew esebiti fi proċeduri legali fil-Qorti ta’ Għawdex.
Il-Bord se jingħata terminu speċifiku biex jippreżenta rapport dettaljat li għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom ikomplu jissaħħu l-proċeduri għaż-żamma tal-esibiti b’mod sikur u affidabbli, sabiex tiġi żgurata sistema ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja effiċjenti u ġusta f’Għawdex.
Il-Ministeru jibqa’ impenjat li jsaħħaħ l-investiment u jkompli jirriforma s-sistemi u l-proċeduri tal-ġustizzja sabiex dawn ikunu effettivi, trasparenti u aġġornati maż-żminijiet inkluż fil-Qrati ta’ Għawdex

