Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, assistew għall-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding (MOU) bejn il-General Workers Union (GWU) u l-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA).
Dan il-ftehim se jistabbilixxi qafas ċar għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-couriers tal-ikel f’pajjiżna.
L-MOU jgħid li sal-1 ta’ Jannar 2026 jitlob li jkunu ġew konklużi ftehimiet kollettivi mal-operaturi kollha membri tal-MDFOA, sabiex jiġu rregolati kundizzjonijiet bħall-pagi bażi, il-ħinijiet tax-xogħol, il-ħlasijiet ta’ overtime, l-adozzjoni obbligatorja ta’ pagamenti mhux fi flus kontanti, u s-sħubija tal-impjegati f’union.
Il-ftehim jagħmel ukoll ċar l-obbligu ta’ remunerazzjoni trasparenti li tinkludi salarju bażiku, overtime u bonuses statutorji.

Dan il-ftehim huwa konformi direttament mal-Labour Migration Policy, li għandha l-għan li toħloq sistema ċara u responsabbli għall-impjieg ta’ ħaddiema barranin f’Malta, b’kontroll f’idejn l-awtoritajiet Maltin. Il-Labour Migration Policy tagħmel enfasi fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema kollha u tisħaq li l-miġja ta’ ħaddiema barranin ma għandhiex twassal biex jinżlu l-istandards jew id-drittijiet fil-post tax-xogħol għall-ħaddiema f’pajjiżna. Dan iservi ta’ garanzija li s-settur jibqa’ kompetittiv iżda wkoll ġust, u li l-ħaddiema kollha jingħataw l-istess livell ta’ dinjità u protezzjoni.
Il-ftehim il-ġdid jirrispondi għal din ir-realtà billi jintroduċi standards uniformi għall-operaturi kollha u jsaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-verifika u l-infurzar.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna li wasalna sa hawn għaliex il-Gvern ma ddejjaqx jieħu deċiżjonijiet iebsin, li wasslu lil kull min hu involut ma’ mejda sabiex jiddiskuti, flimkien mal-GWU f’isem il-ħaddiema.
Huwa sostna li dan il-pass huwa parti minn politika usa’ tal-Gvern li tħares id-drittijiet tal-ħaddiema kollha, dan għaliex meta ħaddiem wieħed jiffaċċja kundizzjonijiet ħżiena jkunu l-ħaddiema kollha li jbatu – anke dawk Maltin u Għawdxin. Huwa rrikonoxxa r-rwol importanti tal-GWU li tat vuċi lil ħafna ħaddiema ġodda fis-suq, kif ukoll l-impenn tal-operaturi li qed jilqgħu din it-transizzjoni lejn regolamentazzjoni aktar ċara.

Byron Camilleri
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li, “Dan il-ftehim huwa pass ċar li juri kif il-Labour Migration Policy qed tinbidel f’azzjoni konkreta li tħares id-drittijiet tal-ħaddiema kollha f’pajjiżna, li minnha jgawdu wkoll il-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Konna iebsin ħafna f’dan is-settur u ma ddejjaqnix niddeċiedu meta dehrilna li kien hemm abbuż. Hekk ser nibqgħu nagħmlu. Qed nibnu suq tax-xogħol modern, regolat u sostenibbli li jagħti valur lill-ħaddiem, irrispettivament minn fejn ġej.”
Il-Ministru Camilleri wissa lil dawk kollha li jaħdmu fis-settur li l-Gvern ser jibqa’ viġilanti biex jara li ħadd ma jgħaddi mit-tieqa flok mill-bieb. Huwa sostna li l-Gvern mhux ser jittollera sitwazzjoni fejn min iħaddem skont kundizzjonijiet tajbin bħal dawk maqbula llum, jiġi żvantaġġjat meta jikkompeti ma dawk li ma jagħtux każ id-drittijiet tal-ħaddiema. Huwa wissa li jekk jinstab li hemm min jagħmel hekk, ser jerġa’ jiddeċiedi dwar dan is-settur, bħal ma għamel ftit tax-xhur ilu.

Andy Ellul
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul sostna li dan il-ftehim huwa pass ieħor importanti fil-ħidma tal-Gvern biex kull ħaddiem jingħata d-dinjità u l-protezzjoni li jixraqlu. Huwa spjega kif ir-riformi li saru fl-aħħar sentejn ma sarux b’kumbinazzjoni iżda kienu frott ta’ viżjoni ċara, dik li jinħoloq suq tax-xogħol modern, serju u ġust. Hu żied jgħid li b’dan il-ftehim issa qed naraw frott konkret ta’ dik il-ħidma b’benefiċċji diretti għal mijiet ta’ ħaddiema.
Dr Ellul tenna li dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-politika ssir meta jkun hemm serjetà, għaqal u impenn ġenwin. Huwa enfasizza li l-ftehim illum ma jagħtix biss kundizzjonijiet aħjar iżda jsaħħaħ ukoll kultura ta’ responsabbiltà u livell għoli ta’ professjonalità fis-settur.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul temm jgħid li, “Il-Gvern jinsab kommess li anke f’dan is-settur, lest li jkompli jaħdem sabiex Malta żżomm postha fil-quċċata f’dawk li huma drittijiet tal-ħaddiema.”
L-MOU jagħti prijorità wkoll lis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, billi jintroduċi taħriġ obbligatorju, mekkaniżmi ta’ rappurtar, valutazzjonijiet tar-riskju u tagħmir protettiv adegwat għall-couriers.

