F’Malta titlaqqa’ l-ewwel laqgħa internazzjonali tal-uffiċjali għall-konformità dwar ir-reġistri marittimi

Neville Gafa

~ 3 hours ago

F’Malta titlaqqa’ l-ewwel laqgħa internazzjonali tal-uffiċjali għall-konformità dwar ir-reġistri marittimi

Iċ-Ċentru Globali dwar il-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi (GCMSM), ibbażat fil-Belt Valletta, flimkien mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Droga u l-Kriminalità (UNODC), qed ilaqqgħu għall-ewwel darba il-Laqgħa tal-Uffiċjali għall-Konformità tar-Reġistri Marittimi, din il-ġimgħa, f’Malta.

 

 

 

 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett fetħu din il-laqgħa, it-Tnejn filgħodu.

 

Il-laqgħa qed tiġbor flimkien uffiċjali għall-konformità u awtoritajiet tar-reġistri marittimi minn 37 pajjiż, kif ukoll esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda, rappreżentanti tal-UE, u esperti fil-governanza marittima, sabiex flimkien isaħħu l-ħidma kollettiva tagħhom fit-twettiq tas-sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-industrija marittima. Il-parteċipanti qed jeżaminaw vulnerabiltajiet sistematiċi fir-reġistri globali tat-tbaħħir, fosthom bastimenti li jbiddlu l-bandiera tar-reġistrazzjoni fi żmien qasir, nuqqas ta’ vverifikar meħtieġ, strutturi mhux ċari dwar is-sidien tal-bastimenti, verifiki dgħajfa tal-istorja tal-bastimenti, u monitoraġġ limitat ta’ mġieba li tagħti lok għal riskji għoljin fit-tbaħħir. Dawn id-dgħufijiet joħolqu opportunitajiet għal evażjoni tas-sanzjonijiet u jxekklu l-integrità tal-qafas regolatorju li fuqhom imsejsa s-sistema marittima.

 

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg innota li bħala nazzjon marittimu bis-sitt l-akbar reġistru tal-bastimenti fid-dinja, Malta hija impenjata li tkompli tmexxi ’l quddiem prattiċi tat-tbaħħir responsabbli, trasparenti u konformi mal-liġi, sabiex tiżgura li l-bandiera tagħha ma tiġix abbużata, u li l-governanza marittima globali tkompli tissaħħaħ.

 

“Il-laqgħa ta’ din il-ġimgħa ssostni l-ħtieġa għal azzjoni multilaterali kkordinata biex negħlbu d-diffikultajiet strutturali fil-ħarsien tas-sanzjonijiet marittimi. L-istabbiltà tas-sistema marittima globali tiddependi fuq il-viġilanza kollettiva tagħna. Il-frammentazzjoni ssaħħaħ lil dawk li joperaw minn taħt, lil hinn mil-liġijiet, iżda l-kooperazzjoni bejnietna tnaqqsilhom iċ-ċans li jimmanuvraw f’din id-direzzjoni mhux mixtieqa,” sostna Dr Borg.

 

 

 

Il-Ministru Chris Bonett qal li r-reġistri tal-bastimenti għandhom jaħdmu flimkien biex iqarrbu lejn xulxin il-ħidmiet tagħhom, mhux permezz ta’ uniformità imposta, iżda billi jitnaqqsu l-vulnerabiltajiet li jinħolqu meta sistemi differenti jmexxu għal rashom. “L-iżviluppi reċenti fit-tbaħħir globali wrew li ebda reġistru ma jistà jopera waħdu. Prattiċi tal-konformità frammentati joħolqu vulnerabiltajiet li jesponu s-sistema marittima kollha. Malta tibqa’ impenjata li tkompli ssaħħaħ l-integrità tar-reġistru tagħha u li taħdem mal-imsieħba internazzjonali biex insaħħu l-koordinazzjoni, intejbu t-traċċabbiltà, u nagħlqu l-lakuni fejn jista’ jqum ir-riskju ta’ evażjoni. Ir-reputazzjoni f’dan is-settur hija vantaġġ li nistgħu naqsmu flimkien, u permezz ta’ aktar kollaborazzjoni bejn ir-reġistri, nistgħu nħarsu l-kredibiltà tal-istruttura marittima globali,” stqarr il-Ministru Bonett.

 

 

 

Siri Bjune, Kap tat-Tmexxija tal-Fruntieri fil-UNODC, spjegat li minn meta beda l-Proġett tal-Infurzar tas-Sanzjonijiet Marittimi tan-Nazzjonijiet Magħquda (MUSE Project) iffinanzjat mill-UE, l-UNODC kisbet il-kapaċità biex tiffoka fuq is-sanzjonijiet marittimi tan-Nazzjonijiet Magħquda, b’mod partikolari sabiex jinkiseb aktar għarfien dwar ir-Reġistri Marittimi. Il-proġett MUSE se jaħdem mill-qrib mal-GCMSM f’Malta.

 

Il-laqgħa internazzjonali ta’ din il-ġimgħa hija wkoll opportunità għall-GCMSM, li twaqqaf f’Malta aktar kmieni din is-sena, biex jippromwovi aktar kooperazzjoni bejn ir-reġistri. Dan iċ-Ċentru qed jaħdem biex jgħolli l-istandards globali f’dak li għandu x’jaqsam mal-verifika dovuta għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti, l-iċċekkjar tal-istorja tagħhom u l-iskrutinju tas-sidien, filwaqt li joħloq sistemi globali ta’ skambju ta’ tagħrif biex jevitaw li bastimenti li jitneħħew minn reġistru minħabba xi irregolarità jerġgħu jitfaċċaw taħt bandiera differenti. Iċ-Ċentru se jiżviluppa wkoll sistema ta’ referenza kondiviża għal bastimenti ta’ riskju kbir, u ta’ bastimenti li ma jkunx għadhom irreġistrati, sabiex ir-reġistri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati u konsistenti.

 

 

 

 

Il-laqgħa se tkun indirizzata wkoll minn uffiċjali għolja oħra tal-UNODC, minn rappreżentanti mill-Foreign Policy Instruments (FPI) tal-Kummissjoni Ewropea, u anke mill-mexxejja tal-GCMSM.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *