Tissaħħaħ it-Taqsima tal-Infurzar fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi

Neville Gafa

~ 3 hours ago

Tissaħħaħ it-Taqsima tal-Infurzar fi ħdan id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi

Il-Gvern iffirma ftehim li permezz tiegħu se jiġi stabbilit qafas ġdid u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba għall-Uffiċjali tal-Infurzar fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi (DIER).

 

L-iffirmar, li ġie ppresedut mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, jirrappreżenta pass important biex jissaħħu l-istrutturi ta’ infurzar fis-suq tax-xogħol Malti u biex jingħata aktar appoġġ lill-ħidma speċjalizzata mwettqa mill-uffiċjali tad-Dipartiment.

 

 

 

 

Ġie spjegat li dawn l-uffiċjali huma responsabbli sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’pajjizna jiġu osservati. Ir-rwol tagħhom jinkludi li jwettqu spezzjonijiet regolari fuq il-postijiet tax-xogħol sabiex jivverifikaw li l-kundizzjonijiet legali tax-xogħol qed jiġu osservati, kif ukoll jinvestigaw ilmenti minn impjegati attwali jew preċedenti dwar kwistjonijiet bħal pagi, sahra u tipi ta’ leave differenti mhux imħallsa fost l-oħrajn.

 

Dawn l-uffiċjali, permezz ta’ medjazzjoni, jagħmlu kull sforz possibbli sabiex il-każijiet jiġu solvuti barra l-Qorti.

 

Fil-fatt, grazzi għax-xogħol tagħhom, aktar minn 70% tal-każijiet jiġu solvuti b’dan il-mod. Dawn l-ufficjali jieħdu wkoll azzjoni legali kontra min jabbuza u jippreparaw każijiet biex jiġu riferuti quddiem il-Qrati taghna. Permezz ta’ dawn l-uffiċjali, aktar minn elf każ fis-sena jiġu investigati, li jkopru aktar minn għoxrin elf ħaddiem, u jinġabru barra l-Qorti aktar minn miljun ewro fis-sena li jingħataw lura lill-ħaddiema.

 

 

 

 

Is-Segretarju Parlamentari Ellul spjega li b’dan il-ftehim il-Gvern qed jassigura li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg jirrikonoxxi l-professjonalità tal-ħaddiema preżenti u jżomm fi ħdanu persuni b’esperjenza, filwaqt li jattira kandidati ta’ kwalità. B’dan il-mod, qal Dr Ellul, ikun qed jiġi assigurat illi l-liġi tax-xogħol f’pajjiżna tiġi mħarsa u infurzata.

 

Żied jgħid li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern qed jintroduċi struttura ta’ progressjoni, flimkien ma’ pagi aktar kompetittivi li issa jirriflettu aħjar ir-responsabilitajiet u l-esperjenza meħtieġa għal dan l-irwol.

 

Il-progress fil-karriera ta’ dawn l-uffiċjali se jkun ibbażat fuq il-mertu, fosthom permezz ta’ struttura li tirrikonoxxi l-kwalifiċi akkademiċi kif ukoll l-esperjenza fuq il-post tax-xogħol. Dan għalhekk se jippermetti avvanz permezz ta’ studji, snin ta’ servizz, jew anke taħlita tat-tnejn. B’dan il-mod, qal is-Segretarju Parlamentari Ellul, se tinħoloq sistema ġusta fost dawn l-uffiċjali.

 

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm jgħid li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern qed jikkonferma l-impenn tiegħu li jsaħħaħ l-infurzar tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jsostni lil dawn l-uffiċjali fil-ħidma kruċjali tagħhom.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *