Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda skema ġdida mill-Awtorità tal-Artijiet bl-isem ta’ TEMP25+ li għandha l-għan li tipprovdi iktar soluzzjonijiet ġusti lil dawk il-familji li huma jew se jkunu proprjetarji ta’ residenzi li fuqhom hemm gravanti ċens temporanju pagabbli lill-istess Awtorità tal-Artijiet. L-iskema tiffoka kompletament fuq l-aspett residenzjali u teskludi l-aspett kummerċjali.
Din l-iskema, li hija maqsuma fi tliet kategoriji, tkompli tibni fuq skemi li nħarġu fil-passat biex il-familji jkunu jistgħu jifdu ċ-ċens temporanju pagabbli lill-Awtorità tal-Artijiet li jiggrava l-proprjetajiet ta’ natura residenzjali li għandhom, jew li se jkollhom, b’mod iktar spedit, bil-għan li tingħata iktar ċertezza u serħan il-moħħ lil dawk li sal-lum jew m’għandhom ebda rimedju jew inkella jridu rimedju iktar ġust minn dak li jiġi provdut illum.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ddeskriva din l-iskema l-ġdida bħala pass ieħor konkret biex inkomplu nagħtu iktar ċertezza u serħan il-moħħ qalb il-familji li għandhom jew se jkollhom proprjetà ta’ natura residenzjali soġġetta għal ċens temporanju favur l-Awtorità tal-Artijiet, partikolarment lil dawk li kienu qed jistennew soluzzjoni.
“Din l-iskema se tkun waħda li se tagħmel ħafna ġid għaliex tipprospetta proċessi iktar spediti, prezzijiet tal-fidi aktar ġusti, ċerti u raġonevoli u għażliet estiżi għal firxa sħiħa ta’ applikanti b’permutazzjonijiet varji u differenti. Din l-iskema turi kemm il-Gvern huwa viċin il-familji Maltin u Għawdxin u dejjem lest li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex ħadd ma jibqa’ lura minħabba kwistjonijiet ta’ natura legali marbuta mal-istitut taċ-ċens temporanju,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, tenna wkoll li din l-iskema se tieħu l-post tal-iskema tal-2019 immedjatament malli jiġi ppubblikat l-avviż legali. L-Awtorità tal-Artijiet se tkun qed taċċetta rikjesti sabiex l-applikazzjonijiet kollha pendenti li daħlu taħt l-iskema tal-2019 jiġu mibdula għall-iskema TEMP25+, dejjem jekk l-applikanti jixtiequ dan.
Is-Sur Vella żied jgħid li din l-iskema ġiet iddisinjata biex tkun aktar vantaġġuża għal min jixtieq jifdi dan it-tip ta’ ċens.
L-iskema, li qed tiġi implimentata bis-saħħa ta’ Avviż Legali li ġie ppubblikat illum stess, tagħti soluzzjonijiet lil tliet kategoriji ta’ proprjetajiet ta’ natura residenzjali. Waqt li l-ewwel kategorija tipprovdi proċessi eħfef għal min irid jifdi ċens temporanju pagabbli lill-Awtorità tal-Artijiet, it-tieni kategorija testendi għall-fidi ta’ ċens temporanju pagabbli lill-Awtorità tal-Artijiet ta’ proprjetà residenzjali li m’hijiex ir-residenza ordinarja, jew hi r-residenza tal-villeġġjatura, jew residenza battala jew proprjetà residenzjali li ġiet żviluppata f’numru ta’ units.
It-tielet skema, imbagħad, tipprovdi soluzzjonijiet għall-fidi ta’ ċens ta’ units residenzjali prospettivi li jkunu se jinbnew fuq art soġġetta għal ċens temporanju pagabbli lill-Awtorità tal-Artijiet, anke għall-benefiċċju tax-xerrejja prospettivi ta’ dawn il-units residenzjali li llum, bix-xenarju preżenti, jirriskontraw diversi diffikultajiet għall-fidi tas-sehem tagħhom taċ-ċens.

L-iskema tipprospetta li f’każ ta’ bejgħ sussegwenti tal-istess proprjetà hekk mifdija fi żmien 15-il sena mill-fidi, l-applikant ikun irid iħallas pagament addizzjoni ta’ 3 fil-mija mill-prezz li bih tkun inbiegħet kull proprjetà. F’każijiet, però, ta’ trasferimenti ta’ proprjetà bejn membri tal-istess familja, individwi ta’ 65 sena u aktar, trasferimenti favur persuni b’diżabilità u trasferimenti favur first-time buyers dawn ikunu eżentati milli jħallsu 3% addizzjonali fuq il-prezz finali tal-bejgħ.
Permezz tal-iskema TEMP25+, qed tingħata opportunità mill-aqwa lil iktar familji li għandhom jew se jkollhom proprjetà mhux kummerċjali li hi soġġetta għal ċens temporanju favur l-Awtorità tal-Artijiet biex isiru sidien sħaħ ta’ djarhom jew il-proprjetà tagħhom. Din l-iskema hi ġusta, inqas burokratika u iktar trasparenti u se tipprovdi soluzzjonijiet waqt li tagħti s-serħan il-moħħ u ċ-ċertezza.
L-iskema se tkun aċċessibbli fuq is-sit
https://landsauthority.org.mt/

