Fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Isla, ġie ffirmat ftehim ġdid ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern Malti, permezz tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), u l-Kummissjoni tas-Saħħa Provinċjali ta’ Jiangsu, li regolarment tibgħat tim professjonali mediku biex jaħdem f’Malta. Din is-sena, qed iservi l-21 Tim Mediku Ċiniż li jagħti servizzi lill-komunità Maltija.

Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, l-Onor. Malcolm Paul Agius Galea, u jirrappreżenta kapitlu ġdid fil-kollaborazzjoni twila bejn Malta u ċ-Ċina fil-qasam tat-Trattament Mediku Tradizzjonali Ċiniż, li bdiet fl-1994 bit-twaqqif tal-Mediterranean Regional Centre for Traditional Chinese Medicine. Preżenti għal dan il-mument kien hemm ukoll l-Eċċellenza Tiegħu l-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f’Malta, Zhang Zhou, kif ukoll delegazzjoni mid-Dipartiment tas-Saħħa tal-Provinċja ta’ Jiangsu.

Tul dawn is-snin, aktar minn kwart ta’ miljun persuna f’Malta gawdew mill-benefiċċji ta’ din is-sħubija, grazzi għax-xogħol kontinwu ta’ timijiet mediċi Ċiniżi, b’din li qed tkun it-21 rappreżentanza tagħhom.
Il-ftehim il-ġdid jinkludi inizjattivi komunitarji bħall-kliniki mobbli, attivitajiet ta’ benesseri fiċ-ċentri għall-anzjani, taħriġ professjonali u skambji kulturali. Dan kollu b’għan wieħed, li tkompli tissaħħaħ il-kwalità tal-kura li tingħata lill-anzjani tagħna, kemm mill-perspettiva fiżika, kif ukoll minn dik soċjali u mentali.

Fid-diskors tiegħu, l-Onor. Agius Galea faħħar l-impenn tat-Tim Mediku Ċiniż lejn il-komunitajiet lokali, kif ukoll l-appoġġ kontinwu mill-Ambaxxata Ċiniża, il-Kummissjoni tas-Saħħa ta’ Jiangsu, u l-ħaddiema kollha tal-AACC.
Dan l-avveniment fisser ukoll ir-rikonoxximent uffiċjali għall-ħidma konġunta li saret sa issa, u li issa se tkompli tikber b’viżjoni ċara u komuni għal kura komunitarja aktar integrata u umana.

