Tard il-Ħamis filgħaxija sirna nafu li Iżrael se jerġa’ jieħu sehem fil-Eurovision tas-sena d-dieħla.
Dan ġie kkonfermat mill-organizzaturi EBU, wara li ġie deċiż li m’hemmx bżonn isir vot dwar il-parteċipazzjoni ta’ Iżrael, u l-pajjiż jista’ jieħu sehem fil-kompetizzjoni bħas-snin preċedenti.

Dan ifisser li pajjiż li qatt ma kellu jipparteċipa f’dan il-festival għall-fatt li mhux fl-Ewropa, se jitħalla jerġa’ jieħu sehem minkejja li wettaq ġenoċidju.
Din id-deċiżjoni skandaluża ġabet l-irtirar tal-parteċipazzjoni tal-Irlanda, Spanja, l-Olanda, u lis-Slovenja.

Wara dan l-iskandlu, fejn l-EBU qed turi biċ-ċar li ma jinteressahiex minn dawk is-70,000 ruħ fosthom 20,000 tifel u tifla li nqatlu bla ebda skruplu, il-Gvern Malti m’għandux triq oħra għajr li jirtira lil Malta minn dan il-festival korrott u mċappas bid-demm ta’ eluf ta’ nies.

Il-poplu Malti magħqud kontra l-ġenoċidju mwettaq fuq il-Palestinjani, jistenna lill-Gvern jaġixxi u ma jħallix lil Malta tkun parteċipi f’dan il-festival.
Wara kollox, nemmen li Malta missha ilha li rtirat minn dan il-festival mimli porkerija, konfużjoni u skandli għal uliedna. Nittama li l-familji Maltin li huma meqjusa mibnija fuq il-valuri Kristjani, ma jippermettux lil uliedhom minorenni jsegwu dan il-festival misħut u li ma joffri l-ebda kultura.

Iżda lura għas-suġġett.
L-Awtoritajiet Maltin għandhom jibqgħu konsistenti fuq il-pożizzjoni li ttieħdet ftit ġimgħat ilu meta Malta rrikonoxxiet l-Istat Palestinjan. Il-konsistenza titlob li Malta għandha tiddistakka kompletament minn dan il-porkerija ta’ festival li issa se jkun qed jerġa’ jħalli lil Iżrael jipparteċipa anke meta wettaq attroċitajiet kontra l-umanità.

Għaldaqstant, il-Gvern għandu jimxi fuq il-passi ta’ Spanja u pajjiżi oħra u jħabbar li pajjiżna mhux se jkun qed jipparteċipa fil- Eurovision 2026.

