Ġimgħa ilu tħabbar li se tkun qed tinfetaħ Dar għall-Anzjani fil-pjazza ta’ Ħaż-Zabbar. Dan is-sit kien minn tal-ewwel li faħħar l-inizzjattiva għaliex minnha se jkunu qed igawdu 73 anzjan Żabbari u oħrajn li tul ħajjithom għixu fl-irħula tal-madwar.
Matul dawn il-jumejn kont sorpriż meta segwejt il-kritika li ġejja minn diversi bnadi dwar dan il-proġett. Jidher ukoll li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar mhumiex kuntenti b’dan l-iżvilupp għax skont huma jinsab fiċ-ċentru, u li huma mħassba bl-impatt li jista’ jħalli.

Fil-waqt li nirrispetta l-opinjoni tagħhom, u nemmen li għandhom dritt jikkritikaw għax huwa xogħolhom li jħarsu l- interessi tar residenti u tal-lokalità, fl-istess waqt tajjeb li nfakkru l-istess Kunsill Lokali għandu applikazzjoni oħra quddiem l-‘Urban Conservation Area’ (UCA). propju għal Dar tal-Anzjani eżatt faċċata tiegħu.
Tajjeb li nfakkru wkoll li l-għoli approvat għal dan l-iżvilupp huwa kompletament skont il-Pjan Lokali, fir-rigward tan-numru ta’ sulari kif interpretat minn Anness 2 ta’ DC15. Importanti li wieħed jinnota li din l-applikazzjoni ma għamlitx użu mill-għoli addizzjonali permess taħt il-‘Height Limitation Adjustment Policy’ for Retirement Homes (2017), li tippermetti żewġ sulari oħra minbarra dak stipulat fil-Pjan Lokali.
Fil-fatt, l-għoli totali tal-bini tnaqqas minn madwar 23.00 metru għal 17.50 metru. Barra minn hekk, il-faċċata eżistenti se tinżamm, u d-disinn ġie segwit b’attenzjoni sabiex jinħoloq sens ta’ kontinwità fi ħdan il-pjazza.

Dawn huma l-fatti.
Nappella kemm lil Kunsill Lokali kif ukoll lir-residenti sabiex jużaw is-sens komun u jqisu kollox. Dan huwa proġett li jistgħu jibbenefikaw saħansitra huma jew familjari tal-istess nies li llum qed joġġezzjonaw għal tali proġetti.
Nappella wkoll kelmm lill-Kunsill kif ukoll lir-residenti Żabbarin sabiex ma jaqawx għall-lixka ta’ min huwa kontra kull proġett propost bil-għan li jfixklu jew iħassru il-progress li huwa ppjanat sabiex l-anzjani tagħna jingħataw l-aqwa servizzi fl-istess lokalitajiet fejn ikunu għexu tul ħajjithom.
Li l-Gvern,sena wara sena jagħti żieda fil-pensjonijiet hija tajba ħafna. Iżda li tipprovdi djar li joffru servizzi u wens għall-anzjani huwa bla dubju il-massimu li kull Gvern jista’ joffri. Aktar u aktar jekk tali żviluppi jkunu fil-parametri tal-Liġi.

