Tinżamm l-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Viżjoni Malta 2050

Neville Gafa

~ 14 hours ago

Tinżamm l-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Viżjoni Malta 2050

Ikkonfermat progress b’saħħtu fil-proċess lejn Viżjoni Nazzjonali

 

 

Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Viżjoni Malta 2050, li nħatar riċentement, ilbieraħ kellu l-ewwel laqgħa tiegħu, li immarkat pass importanti fil-ħidma strateġika lejn din il-Viżjoni fit-tul għal pajjiżna.

 

Il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċju tal-Prim Ministru l-Kurunell Dr Mark Mallia, li mexxa din il-laqgħa, tenna kif dan il-proġett ta’ Viżjoni Malta 2050, jippreżenta opportunità unika biex tiġi definita direzzjoni nazzjonali fit-tul li tmur lil hinn miċ-ċikli elettorali u l-konfini settorjali. Dr Mallia saħaq li l-Viżjoni trid tirrifletti s-saħħa u l-isfidi ta’ pajjiżna, filwaqt li tħejjih biex jindirizza x-xejriet globali li qed jiffurmaw id-deċennji li ġejjin. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ impenn konsistenti mill-Gvern, is-settur privat u s-soċjetà kollha.

 

 

 

Is-Segretarju Permanenti għall-Viżjoni Malta 2050, Ronald Mizzi, ta aġġornament dwar il-progress li sar minn meta tnieda d-dokument preliminari tal-Viżjoni f’April li għadda. Huwa spjega li l-Viżjoni daħlet fil-fażi kruċjali li fiha qed ikompli jsir irfinar u aġġornament tal-kontenut tagħha wara wieħed mill-aktar eżerċizzji ta’ konsultazzjoni estensivi li qatt mexxa l-Gvern, li fih ħadu sehem eluf ta’ ċittadini, negozji, żgħażagħ, NGOs, akkademiċi u kunsilli lokali. Il-kontribut riċevut qed iwassal għal aġġornament ta’ ċerta miżuri u l-indikaturi (KPIs) u t-trajettorji marbuta magħhom, biex il-Viżjoni tissarraf f’pjan t’azzjoni li jiggwida d-deċiżjonijiet politiċi fis-snin li ġejjin.

 

Indirizza wkoll lill-istess Kumitat is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, li faħħar il-professjonalità u l-koordinazzjoni qawwija tal-amministrazzjoni pubblika tul il-proċess. Huwa enfasizza li servizz pubbliku effiċjenti u modern jibqa’ strumentali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Viżjoni fit-tul tal-pajjiż.

 

Il-Kumitat ta’ Tmexxija, li jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, huwa responsabbli biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Viżjoni u jiżgura li tibqa’ allinjata mal-aspirazzjonijiet fit-tul ta’ pajjiżna.

 

Matul il-laqgħa, il-membri ngħataw ukoll aġġornament dwar il-progress tas-sistema l-ġdida ta’ rappurtaġġ li ser tintuża għall-ġbir ta’ informazzjoni u monitoraġġ tal-implimentazzjoni. Qed jiġi żviluppat ukoll dashboard diġitali għall-pubbliku, li minnu jkun jista’ isegwi l-progress ta’ l-implimentazzjoni tal-Viżjoni. Dan biex tissaħħaħ it-trasparenza u l-fiduċja pubblika f’dan il-proġett nazzjonali.

 

Il-membri ngħataw ukoll informazzjoni dwar il-kampanja nazzjonali ta’ informazzjoni li saret f’dawn l-aħħar xhur dwar il-Viżjoni Malta 2050, kif ukoll dwar il-preparazzjonijiet għall-Malta Brand aġġornata li se titnieda wara l-finalizzazzjoni tal-Viżjoni, sabiex tintuża b’mod partikolari għall-pożizzjonament internazzjonali tal-pajjiż.

 

 

Il-Kumitat laqa’ l-ħidma sostanzjali li saret sa issa u rrimarka l-impenn tiegħu li l-proċess jibqa’ trasparenti, inklussiv u mmexxi mill-evidenza u d-data hekk kif inkomplu nersqu lejn it-tnedija tal-verżjoni finali tal-Viżjoni 2050. Il-Kumitat se jkompli jiltaqa’ regolarment biex jiżgura li l-Viżjoni tibqa’ allinjata mal-prijoritajiet nazzjonali u tirrifletti l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’għada.

 

Il-Kumitat ta’ Tmexxija fi ħdan Viżjoni Malta 2050 hu magħmul mill-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċju tal-Prim Ministru l-Kurunell Dr Mark Mallia, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi, Tyson Fenech, Anthony David Gatt, Cressida Galea, Mark Bajada, Joe Vella Bonnici, Elisa Micallef Peplow, Dr Josianne Cutajar, il-Perit Jesmond Mugliett u Dr Jonathan Spiteri.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *