Id-Deputat Prim Ministru Borg fl-UAE għall-Forum Sir Bani Yas ​

Neville Gafa

~ 1 day ago

Id-Deputat Prim Ministru Borg fl-UAE għall-Forum Sir Bani Yas ​

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ħa sehem fis-16-il sessjoni tal-Forum Sir Bani Yas, li tlaqqa’ mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda, Sheikh Abdullah Bin Zayed Al Nahyan, f’Dubaj, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

 

Dan il-Forum jiffoka fuq temi ġeopolitiċi li bħalissa qed jolqtu l-paċi u s-sigurtà fir-Reġjun tal-Golf u lil hinn minnu, fil-Lvant Nofsani. Huwa jlaqqa’ flimkien 120 parteċipanti, fosthom ministri tal-affarijiet barranin, uffiċjali għolja ta’ diversi pajjiżi, u oħrajn li kienu f’dawn il-karigi fil-passat, kif ukoll mexxejja globali mid-dinja tan-negozju, u esperti akkademiċi.

 

 

 

 

Waqt il-Forum, Dr Borg iltaqa’ wkoll ma’ diversi ministri oħra tal-affarijiet barranin.

 

Is-Sibt, f’Jum Malta Repubblika, id-Deputat Prim Ministru Borg attenda wkoll għal avveniment f’ġieħ dan il-jum nazzjonali organizzat mill-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Emirati Għarab Magħquda, Maria Camilleri Calleja, bis-sehem ta’ Omar Al Neyadi, Direttur tal-Affarijiet Ewropej fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-istess pajjiż, flimkien ma’ uffiċjali distinti oħra, kif ukoll rappreżentanti tal-komunità Maltija u ta’ kumpaniji Maltin fl-Emirati.

 

 

 

 

Fl-indirizz tiegħu, Dr Borg faħħar lill-komunità Maltija f’dan il-pajjiż għall-ġieħ li qed tikseb bl-eċċellenza tagħha. “Intom mexxejja li qed tixprunaw l-innovazzjoni fl-avjazzjoni, fis-servizzi finanzjarji, fl-ospitalità, fil-qasam tal-proprjetà, fis-servizzi tas-saħħa, fis-servizzi legali u fin-negozju, hekk kif qed tkunu xhieda tal-aqwa li għandna x’noffru bħala poplu – kompetenza, integrità u ambizzjoni,” huwa qal.

 

 

 

Id-Deputat Prim Ministru Malti enfasizza l-viżjoni ta’ Malta li tħares ‘il quddiem b’impenn lejn ir-rabtiet mal-imsieħba tagħha fir-reġjun tal-Golf, inklużi l-Emirati Għarab Magħquda, hekk kif ikkonfermat aktar kmieni dan ix-xahar bit-tnedija tal-Politika Reġjonali għal dan ir-reġjun, li tiffoka fuq tisħiħ tar-rabtiet diplomatiċi, ekonomiċi u kulturali fis-snin li ġejjin. “Malta u l-Emirati Għarab Magħquda huma ċentri kummerċjali importanti fir-reġjuni rispettivi tagħhom u jistgħu jaħdmu tajjeb flimkien f’diversi setturi,” hu stqarr.

 

Dr Borg enfasizza wkoll l-importanza li jkun hemm iżjed kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC). F’dan ir-rigward, Malta tinsab lesta li tgħin biex ir-rieda politika fuq livell għoli, tissarraf f’riżultati tanġibbli.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *