Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), nedew uffiċjalment is-sejħa għall-inizjattiva Youth Information Ambassadors, inizjattiva ġdida li tpoġġi liż-żgħażagħ fil-qalba tat-tfassil u t-tixrid ta’ informazzjoni ta’ kwalità f’Malta.

Din l-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol attiv taż-żgħażagħ bħala msieħba fil-proċessi ta’ informazzjoni, filwaqt li tippromwovi informazzjoni kredibbli, rilevanti u mibnija fuq l-esperjenzi reali tagħhom. L-inizjattiva qed tibni fuq il-ħidma kontinwa ta’ Aġenzija Żgħażagħ fil-qasam tal-youth information u fuq ir-rikonoxximent tagħha permezz tal-ERYICA Quality Label.
L-inizjattiva Youth Information Ambassadors tikkontribwixxi b’mod konkret lejn il-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ u l-Għanijiet Ewropej għaż-Żgħażagħ.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ ma jkunux biss riċevituri ta’ informazzjoni, iżda parteċipanti attivi fil-ħolqien tagħha. Huwa tenna li, “Il-messaġġ tagħna huwa ċar: iż-żgħażagħ huma msieħba essenzjali fit-tfassil u t-tixrid ta’ informazzjoni ta’ kwalità. Permezz ta’ din l-inizjattiva qed inkomplu nittraduċu l-viżjoni tagħna f’azzjoni konkreta, billi noħolqu spazji fejn il-vuċijiet taż-żgħażagħ ikollhom impatt reali fuq id-deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom.”

Jason Zammit, Senior Manager f’Aġenzija Żgħażagħ, sostna li l-inizjattiva Youth Information Ambassadors issaħħaħ il-fiduċja fl-informazzjoni f’ambjent diġitali dejjem aktar kumpless. Huwa qal, “Din l-inizjattiva tibni fuq l-impenn ta’ Aġenzija Żgħażagħ li tipprovdi informazzjoni ta’ kwalità, etika u indipendenti. Permezz tal-involviment dirett taż-żgħażagħ, qed intejbu r-rilevanza tas-servizzi tagħna, filwaqt li nrawmu ħiliet essenzjali bħal-litteriżmu medjatiku, il-parteċipazzjoni ċivika u t-tagħlim mhux formali.”
Permezz tal-inizjattiva Youth Information Ambassadors, il-Gvern, Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ qed ikomplu jaħdmu biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli u spazji inklużivi fejn jistgħu jikkontribwixxu b’mod attiv lejn soċjetà aktar parteċipattiva u ġusta.
Dawk iż-żgħażagħ interessati li japplikaw għal din l-inizjattiva Youth Information Ambassadors jistgħu jsibu aktar informazzjoni u japplikaw permezz tas-sit Youth.gov.mt, il-pjattaformi tal-midja soċjali ta’ Aġenzija Żgħażagħ, jew permezz tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ). L-applikazzjonijiet huma miftuħa sat-18 ta’ Frar.

