Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera għall-ADHD u l-ADD bħala mard newroloġiku, speċifikament “neurological disease”, u baqa’ jinsisti fuq din ir-referenza. Dan mhux żball minuri, iżda nuqqas serju ta’ responsabbiltà pubblika.
ADHD, ADD, l-awtiżmu u d-dislessija huma differenzi fit-tagħlim u fl-iżvilupp newroloġiku, mhux mard newroloġiku. Kundizzjonijiet bħall-Alzheimer’s, Parkinson’s u l-epilessija huma mard newroloġiku – u l-konfużjoni bejn dawn iż-żewġ realtajiet hija fattwalment u soċjalment perikoluża.

Meta politiku jitkellem mingħajr preċiżjoni fuq suġġetti bħal dawn, qed jerġa’ jqajjem stigma li Malta ilha snin tipprova tneħħi. Il-kliem tiegħu jasal għand il-ġenituri, l-għalliema u, fuq kollox, it-tfal – diskors irresponsabbli li jista’ joħloq biża’, mistħija u dewmien f’dijanjosi u interventi essenzjali.
Is-saħħa mentali mhix slogan politiku u lanqas għodda ta’ polemika. Diskors irresponsabbli għandu konsegwenzi reali, speċjalment fuq tfal li għandhom bżonn appoġġ, mhux labels żbaljati.
Min jitkellem fil-pubbliku għandu obbligu li jkun infurmat u preċiż.
Għax il-kliem għandu piż. U meta jkun żbaljat, is-soċjetà kollha tħallas il-prezz.

