Miriam Dalli tindirizza l-impatt tat-temp estrem fuq realtajiet ta’ stati żgħar

Neville Gafa

~ 8 hours ago

Miriam Dalli tindirizza l-impatt tat-temp estrem fuq realtajiet ta’ stati żgħar

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Dr Miriam Dalli qalet li l-effetti ta’ klima estrema għal stat gżira bħal Malta hija kwistjoni nazzjonali u taffettwa direttament il-provvista tal-ikel, it-turiżmu u l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna.

 

Waqt il-Kunsill għall-Ambjent tal-Unjoni Ewropea li sar f’Ċipru, il-Ministru Miriam Dalli appellat għal qafas Ewropew ta’ reżiljenza flessibbli u b’finanzjament adegwat biex jindirizza żoni milquta mit-temp estrem.

 

Matul il-laqgħa, il-ministri għall-ambjent u l-klima ddiskutew u analizzaw il-Qafas Ewropew dwar ir-Reżiljenza Klimatika.

 

 

 

 

Il-Ministru Dalli rreferiet għall-esperjenza reċenti f’Malta bit-temp estrem, u spjegat kif dawn l-avvenimenti qed ikollhom impatt dejjem akbar fuq in-nies, l-infrastruttura u s-sigurtà tal-ikel fir-reġjun Mediterranju.

 

“Malta għadha kif għaddiet mill-effetti serji tal-Maltempata Harry, li ħolqot problema għas-sajjieda, qerdet ir-raba’ u kkawżat ħsarat fl-infrastruttura mal-kosta. Għal Stat gżira żgħir, maltempata bħal din hija kwistjoni nazzjonali. Din taffettwa direttament il-provvista tal-ikel, it-turiżmu u l-kwalit? tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna,” qalet il-Ministru.

 

“Il-Maltempata Harry mhijiex eċċezzjoni. Avvenimenti estremi qed isiru dejjem aktar frekwenti u aktar qawwija. Fl-istess waqt, matul is-sajf, speċjalment fil-Mediterran, qed nesperjenzaw temperaturi rekord. Dan juri biċ-ċar li r-riskji klimatiċi jolqtu kull settur, u li soluzzjonijiet iżolati mhumiex biżżejjed.”

 

 

 

 

 

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat ukoll ix-xogħol li għaddej f’Malta fuq Pjan Nazzjonali għar-Reżiljenza Klimatika, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-preparazzjoni u r-reżiljenza fl-aktar oqsma vulnerabbli, b’mod partikolari fil-qasam tal-ilma.

 

“Minħabba l-klima ta’ pajjiżna, ir-reżiljenza tal-ilma hija essenzjali. Malta qed tallinja l-pjan nazzjonali ta’ adattament tagħha ma’ strateġiji oħra relatati, bħall-immaniggjar tal-ilma u l-pjanijiet dwar ir-riskju tal-għargħar. Sistemi ta’ twissija bikrija u ppjanar konġunt huma kruċjali biex inkunu nistgħu nirrispondu b’mod effettiv għall-impatti klimatiċi.”

 

Hija laqgħet l-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma u l-Qafas Ewropew li ġej dwar ir-Reżiljenza Klimatika, u saħqet fuq il-bżonn ta’ qafas Ewropew li jkun flessibbli u li jqis id-differenzi bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari stati gżejjer żgħar. “Ma jistax ikollna soluzzjoni waħda li tapplika għal kulħadd, u wara l-pressjoni li ilna nagħmlu, l-Kummissjoni Ewropea tidher li qed tirrikonoxxi l-importanza ta’ dan. Se nkompli ninsisti li l-qafas Ewropew għandu jkun flessibbli, jirrifletti r-realtajiet differenti tagħna.”

 

 

 

 

 

Il-Ministru saħqet ukoll li l-finanzjament jibqa’ kruċjali biex tinbena r-reżiljenza madwar l-Ewropa. “Il-finanzjament huwa l-pedament tar-reżiljenza. Il-programmi ta’ finanzjament Ewropej għandhom ikomplu jsaħħu r-reżiljenza nazzjonali u jappoġġjaw proġetti ta’ interess pubbliku,” u saħqet dwar il-ħtieġa li proġetti żgħar minn stati membri differenti jigu preżentati flimkien biex jattiraw finanzjament jew investiment privat.

 

Il-Kunsill għall-Ambjent serva bħala spazju għall-djalogu bejn l-Istati Membri qabel ma l-Unjoni Ewropea tressaq inizjattivi leġiżlattivi u strateġiċi ġodda dwar l-adattament u r-reżiljenza għall-klima.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *