L-Iskola Primarja f’Kerċem, parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex għaddejja minn trasformazzjoni sħiħa b’investiment ta’ €3.2 miljun fi proġett infrastrutturali li se jara t-tisbiħ estensiv tal-iskola eżistenti. Dan se jwassal biex l-istudenti, l-edukaturi u l-ħaddiema ta’ din l-iskola jkollhom spazji edukattivi moderni, aċċessibbli, u komdi, kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra.
It-Tnejn filgħodu l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żaru x-xogħol li qiegħed isir f’din l-Iskola mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Matul din iż-żjara, il-Ministri żaru wkoll lill-istudenti tal-istess skola li bħalissa qegħdin jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fi skola temporanja, magħmula minn klassijiet prefabbrikati tal-ogħla livell, li ġew installati sabiex jiġi żgurat ambjent edukattiv sigur u ta’ kwalità waqt li għaddej ix-xogħol fil-binja eżistenti.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar kif fis-settur edukattiv għaddej xogħol kbir li permezz tiegħu qed issir trasformazzjoni sħiħa, anki fl-infrastruttura edukattiva. “Bl-investiment li qed nagħmlu fis-settur edukattiv, qed nimmodernizzaw l-ambjent li fih qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom it-tfal tagħna, u fejn qed jagħtu l-edukazzjoni l-edukaturi tagħna. F’Għawdex biss, qed isir investiment massiv f’dan il-qasam, mhux biss b’dak li għamilna fil-Kumpless Edukattiv tar-Rabat, li huwa l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu u li fih investejna €18-il miljun, imma wkoll fl-iskejjel imxerrda mal-gżira”.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “qegħdin inkomplu nagħmlu investiment b’saħħtu fl-edukazzjoni f’Għawdex, wara li lestejna l-iskola primarja ġdida u l-estensjoni u r-rinnovar tal-middle school fir-Rabat, issa wkoll għaddejjin b’ħidma estensiva ta’ rinnovar fl-iskola primarja ta’ Kerċem, fost skejjel oħra. Bħalma konna għamilna fl-iskola tan-Nadur, hawnhekk ukoll ħsibna f’soluzzjonijiet sabiex stajna nħallu lit-tfal jitgħallmu fl-istess ambjent waqt li għaddej ix-xogħol fil-binja eżistenti. Matul is-sena d-dieħla se jitlesta r-rinnovar u t-tisbiħ estensiv, inkluż għamara ġdida, sabiex mis-sena skolastika 2026 l-istudenti li jattendu l-iskola primarja ta’ Kerċem jibdew jitgħallmu fi skola moderna u totalment rinnovata.”
L-Iskola Primarja f’Kerċem tifforma parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex, tinsab f’binja ta’ żewġ sulari li nbniet fl-1921 u hija mifruxa fuq madwar 1,200 metru kwadru.

Apparti t-tisbiħ komplet tal-iskola l-proġett jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extra-kurrikulari. Permezz tal-proġett se tkun indirizzata l-aċċessibbiltà fil-binja biex din tkun skont il-liġi. Iż-żoni rikreattivi fuq barra se jinbidlu biex, fost l-oħrajn, ikun hemm uċuħ b’non-slip concrete u turf artifiċjali.
Bħala parti mill-proġett se jkunu installati servizzi ġodda, fosthom servizz ġdid ta’ dawl, ilma u drenaġġ, kameras tas-sigurtà, konnettività tal-internet, alarm, u servizzi ta’ fire safety. Fil-binja se jiġu introdotti miżuri effiċjenti fl-enerġija skont kif mitlub mil-liġi.

