Titnieda l-implimentazzjoni tal-Fisheries Integrated Information System – Proġett ta’ €4.5 miljun iffinanzjat minn fondi Ewropej favur id-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-sajd

Neville Gafa

~ 46 seconds ago

Titnieda l-implimentazzjoni tal-Fisheries Integrated Information System – Proġett ta’ €4.5 miljun iffinanzjat minn fondi Ewropej favur id-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-sajd

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, ħabbru l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Fisheries Integrated Information System (FIIS), proġett ta’ €4.5 miljun iffinanzjati mill-Fond EMFAF sabiex tiġi żviluppata sistema diġitali ġdida li se tintegra d-disa’ sistemi ewlenin tal-ipproċessar tal-informazzjoni fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura f’pjattaforma waħda u koerenti.

 

Permezz tal-FIIS, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura se jkun jista’ jiġbor, jintegra u jipproċessa data f’ħin reali minn diversi sorsi, fosthom is-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, data satellitari, informazzjoni dwar il-qabdiet u sistemi ta’ kejl awtomatizzati fuq il-bastimenti. Is-sistema ġiet imfassla fuq prinċipji ta’ sigurtà, awtentiċità, traċċabbiltà u faċilità ta’ użu, u se tkun kapaċi tikkomunika direttament mal-Kummissjoni Ewropea permezz tal-pjattaforma FLUX biex jintlaħqu l-obbligi nazzjonali u Ewropej.

 

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan l-investiment juri b’mod ċar kif il-Fondi Ewropej qed jintużaw b’mod strateġiku biex isaħħu s-setturi produttivi ta’ pajjiżna bħal dak tas-sajd, filwaqt li joffru appoġġ lis-sajjieda u lil dawk kollha nvoluti fis-settur. “Permezz tal-Programm EMFAF qed inkomplu ninvestu fil-modernizzazzjoni tal-immaniġġjar tas-settur tas-sajd, billi ninvestu fl-effiċjenza u f’teknoloġiji moderni. Dan huwa investiment li mhux biss jindirizza l-ħtiġijiet tal-lum, iżda jħares ukoll lejn futur aktar sostenibbli u reżiljenti għas-sajjieda u l-komunitajiet marittimi tagħna,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

 

 

 

 

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet kif, “Permezz tal-Fisheries Integrated Information System qed inkomplu nimxu ‘l quddiem fid-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-sajd. Din is-sistema se tippermettilna naħdmu b’mod aktar effiċjenti, b’data f’ħin reali u bi traċċabbiltà sħiħa, filwaqt li nnaqqsu l-piż amministrattiv fuq is-sajjieda u fuq id-Dipartiment. L-għan tagħna hu li nsaħħu s-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar u noffru servizzi moderni li jirriflettu l-ħtiġijiet tal-lum.”

 

Il-proġett jippermetti wkoll li s-sajjieda jkollhom aċċess immedjat għall-informazzjoni tagħhom permezz ta’ apparat mobbli, u li r-rappurtar tal-qabdiet isir b’mod awtomatiku mingħajr il-ħtieġa ta’ dħul manwali ta’ data, u b’hekk jitnaqqas l-użu tal-karti u fl-istess waqt se jżid l-effiċjenza u l-preċiżjoni.

 

Din l-inizjattiva tifforma parti mill-viżjoni usa’ tal-Gvern biex tkompli tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni tas-sajd, jissaħħaħ il-monitoraġġ tar-riżorsi marittimi u jiġi offrut servizz aktar effiċjenti lill-komunità tas-sajjieda.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *