Ġie inawgurat uffiċjalment iċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-lokalità tar-Rabat. Dan iċ-Ċentru se joffri spazju sigur fejn l-anzjani jistgħu jiltaqgħu u jattendu sessjonijiet edukattivi, soċjali u kulturali bil-għan aħħari li jibqgħu attivi fil-komunità tagħhom.
Dan tar-Rabat huwa s-36 Ċentru tal-Anzjanità Attiva, bl-attendenza f’dawn iċ-ċentri tlaħħaq 3,258 anzjan/a matul is-sena li għaddiet, li tfisser żieda ta’ ‘l fuq minn 20% fuq is-sena preċedenti.
Il-programm ta’ attivitajiet f’dan iċ-Ċentru ġie mfassal sabiex jippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja, joffri għarfien dwar is-saħħa fiżika u mentali, u jsaħħaħ l-interazzjoni soċjali fost l-anzjani fil-komunità Rabtija.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea saħaq li ċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva huma pilastru fundamentali fl-istrateġija tal-Gvern intiża sabiex l-anzjani jibqgħu jiffunzjonaw fil-komunità, b’mod kemm jista’ jkun indipendenti. Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jissokta bl-investiment f’dawn iċ-ċentri – sew billi jespandi l-kullana ta’ Ċentri tal-Anzjanità Attiva kif ukoll billi jirrinova ċentri li jeħtieġ li jiġu modernizzati.
“B’dan iċ-Ċentru ser inkomplu nassiguraw li l-anzjani Rabtin u oħrajn mill-lokalitajiet fil-viċinanza ser jibqgħu attivi għax ser ikomplu jkollhom opportunitajiet biex jiltaqgħu, jitgħallmu u jgawdu l-ħajja fil-komunità li tant iħobbu,” sostna s-Segretarju Parlamentari Agius Galea.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Dr Renzo DeGabriele faħħar dan il-pass hekk kif sostna li “Il-ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru, li issa huwa s-36 Ċentru tal-Anzjanità Attiva, ikompli jagħtina kuraġġ biex inkomplu naħdmu ħalli nwessgħu l-firxa ta’ dawn iċ-Ċentri.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Steve Agius faħħar il-ħidma konġunta bejn diversi msieħba, ewlenin dawk fil-komunità Rabtija, li grazzi għaliha issa r-Rabat ukoll għandu Ċentru tal-Anzjanità Attiva li ser iservi bħala punt ta’ referenza għall-anzjani Rabtin. B’mod partikolari rrimarka kif l-attivitajiet organizzati f’dawn iċ-Ċentri għandhom l-għan ewlieni li jkomplu jikkumbattu s-solitudni fost l-anzjani.
Iċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva tar-Rabat ser ikun miftuħ kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis.

