Waqt Konferenza Nazzjonali, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul uffiċjalment ta bidu għal riforma nazzjonali biex jissaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Dawn il-bidliet se jassiguraw aktar ħin ta’ kwalità għall-familji Maltin u Għawdxin, u jittrattaw l-estensjoni tal-Leave tal-Maternità u tal-Paternità, u t-tisħiħ tal-Leave tal-Ġenituri u r-Remote Working.
Din il-Konferenza Nazzjonali qed tlaqqa’ taħt saqaf wieħed rappreżentanti tal-ħaddiema, lil min iħaddem, akkademiċi, professjonisti, ġenituri, nanniet, ħaddiema, għaqdiet mhux governattivi u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-isfera politika, u se sservi biex tinġabar informazzjoni li minnha se jitfassal id-dokument li mbagħad jgħaddi għal konsultazzjoni pubblika.

Andy Ellul
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal illi l-Gvern huwa kommess li kemm il-leave tal-ommijiet, il-leave tal-missirijiet u anke dak tal-ġenituri jissaħħaħ. Huwa żied jgħid li apparti dawn il-miżuri, il-Gvern qed iniedi diskussjoni dwar l-estensjoni tar-remote working, f’setturi fejn huwa possibbli u fejn ma jkunx ta’ xkiel għal produttività.
Dr Ellul staqsa wkoll jekk wasalx iż-żmien li t-tipi ta’ leave differenti għall-ġenituri jinġabru kollha taħt il-kappa ta’ Support Leave, bi qbil wiesa’ dwar in-numru ta’ jiem li għandu jkun relatat ma’ dan il-leave. Għal dan il-għan, huwa ħabbar it-twaqqif ta’ Kumitat Tekniku magħmul minn firxa wiesgħa u rappreżentattiva tas-soċjetà.
“Dan il-Kumitat se jkun qed jiġbor dak kollu li se joħroġ minn dan il-proċess ta’ djalogu, iħejji dokument għall-konsultazzjoni pubblika, janalizza s-sottomissjonijiet u finalment jgħaddi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern.” Dr Ellul kompla jgħid li ladarba dan il-proċess jintemm, il-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn favur il-familji Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li d-diskussjoni dejjem se ddur mal-bżonn kruċjali li jinħoloq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Dr Ellul faħħar lill-imsieħba soċjali preżenti u l-ħidma tal-Gvern magħhom, li qal illi dejjem waslet għall-bilanċ u diversi miżuri ta’ fejda fl-aħħar sena. Fosthom, semma’ l-miscarriage leave, il-bereavment leave, l-urgent family leave, iż-żieda fil-pieni għal min jikser id-drittijiet tal-ħaddiema u l-prinċipju ta’ Ħlas Ugwali għal Xogħol Ugwali.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm id-diskors billi appella għall-maturità. “Ejja nidħlu għal din id-diskussjoni b’maturità. Id-djalogu soċjali huwa għodda u mezz ta’ diskussjoni li dejjem ħalla frott u riżultati konkreti.”
Il-pubbliku huwa mistieden jipparteċipa u jagħti l-kontribut tiegħu f’din id-diskussjoni billi jħalli l-kummenti u s-suġġerimenti fuq https://socialdialogue.gov.mt/publications/preconsultation/

