Imnedija l-Iskema “Komunitajiet Aktar Inklussivi 2026” b’fond ta’ kwart ta’ miljun ewro

Neville Gafa

~ 3 hours ago

Imnedija l-Iskema “Komunitajiet Aktar Inklussivi 2026” b’fond ta’ kwart ta’ miljun ewro

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat ħabbar it-tnedija tal-edizzjoni 2026 tal-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi. Din hija inizjattiva li tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Gvern biex jippromwovi l-volontarjat fil-livell lokali u fl-istess ħin tħaddan b’mod konkret il-prinċipji tal-inklużjoni soċjali.

 

Għal din is-sena, din l-iskema li issa daħlet fit-tielet sena tagħha, qed tkun sostnuta b’baġit totali ta’ kwart ta’ miljun ewro.

 

Julia Farrugia

 

Din it-tħabbira saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, għand l-għaqda Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba.

 

Taħt l-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi ta’ dawn l-aħħar sentejn, din l-għaqda wettqet proġetti favur l-aċċessibbiltà permezz tal-installazzjoni ta’ bibien awtomatiċi u livellar mal-bankina ta’ barra s-sede, kif ukoll l-installazzjoni ta’ sistema ta’ arja kkundizzjonata fl-arkivju tal-banda u sistema tad-dawl ekoloġika. Dan il-proġett huwa wieħed minn 50 proġett ġdid li twettqu tul it-tliet snin li din l-iskema ilha miftuħa għall-għaqdiet volontarji. Permezz ta’ din l-iskema, diversi għaqdiet ibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja mill-Ministeru, kollha bil-għan li jitneħħew l-ostakli fiżiċi u jissaħħu l-prinċipji tal-aċċessibbiltà.

 

L-iskema hija mfassla biex tappoġġja proġetti innovattivi mmexxija minn għaqdiet volontarji reġistrati, bil-għan li jinħolqu komunitajiet aktar miftuħa, parteċipattivi u aċċessibbli għal kulħadd, inklużi persuni b’diżabilità, tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani.

 

L-Iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi 2026 hija allinjata direttament ma’ żewġ qafas strateġiċi nazzjonali ewlenin, jiġifieri l-Istrateġija Nazzjonali 2021–2030 dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Volontarjat 2025–2030. Għaldaqstant, kull proposta trid tindirizza b’mod ċar mill-inqas objettiv wieħed minn dawn l-istrateġiji, filwaqt li proġetti li jkopru aktar minn objettiv wieħed jingħataw valur miżjud fil-proċess ta’ evalwazzjoni.

 

 

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “B’din l-iskema qed ninvestu direttament fil-komunitajiet tagħna u fil-qawwa tal-volontarjat bħala mutur ta’ bidla soċjali. Aħna nemmnu li l-inklużjoni mhijiex slogan sabiħ, iżda dritt fundamentali li għandu jitgawda minn kulħadd, irrispettivament mill-kundizzjoni, l-età jew l-isfond soċjali tiegħu. Għalhekk qed nallokaw riżorsi konkreti biex inkomplu nneħħu l-ostakli, insaħħu l-aċċessibbiltà u noħolqu spazji fejn kull persuna tista’ tipparteċipa b’dinjità u b’ugwaljanza. Meta nagħtu l-għodda lill-għaqdiet volontarji biex iwettqu proġetti innovattivi, inkunu qed nibnu komunitajiet aktar reżiljenti u magħquda.”

 

Il-proġetti eliġibbli jistgħu jaqgħu taħt tliet kategoriji ewlenin: inizjattivi ta’ għarfien, proġetti parteċipattivi jew attivitajiet edukattivi u ta’ tagħlim. Dawn iridu jkunu proġetti ġodda u innovattivi, u mhux ripetizzjoni jew kontinwazzjoni diretta ta’ inizjattivi li kienu diġà finanzjati minn fondi oħra nazzjonali jew Ewropej.

 

Kull għaqda volontarja tista’ tissottometti applikazzjoni waħda biss, u kull proġett jista’ jingħata finanzjament sa massimu ta’ €10,000 (inkluż il-VAT). Il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-proġetti jista’ jdum sa tnax-il xahar, bejn l-1 ta’ Settembru 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2027.

 

 

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi esklussivament online permezz tas-sit www.vofunding.org.mt, u jridu jinkludu baġit dettaljat akkumpanjat minn mill-inqas tliet kwotazzjonijiet għal kull spiża li taqbeż il-€100. L-aħħar data għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija l-Ġimgħa 17 ta’ April 2026 f’nofsinhar, u applikazzjonijiet li jidħlu wara din id-data ma jiġux ikkunsidrati.​​

 

Għal aktar tagħrif jew mistoqsijiet relatati ma’ din l-iskema, jista’ jintbagħat email fuq fuq skemi.miv@gov.mt.

 

L-għaqdiet volontarji kollha li japplikaw iridu jkunu reġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *