Jitnieda “An eARThistic Easter” 2026 fl-Esplora: esperjenza STEAM li tgħaqqad ix-xjenza man-natura u l-kreattività ​

Neville Gafa

~ 13 hours ago

Jitnieda “An eARThistic Easter” 2026 fl-Esplora: esperjenza STEAM li tgħaqqad ix-xjenza man-natura u l-kreattività ​

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti flimkien mad-Direttur tal-Esplora Vince Micallef Pulè nedew il-programm “An eARThistic Easter” 2026, programm estensiv ta’ attivitajiet tal-Għid fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza ddedikati għall-esplorazzjoni tan-natura permezz tax-xjenza u l-arti.

 

Il-programm, li se jittella’ bejn is-6 u t-12 ta’ April 2026, huwa mfassal fuq l-approċċ STEAM li jintegra x-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika. Din l-inizjattiva fi ħdan Xjenza Malta għandha l-għan li tipprovdi spazji edukattivi u prattiċi fejn it-tfal u l-familji jistgħu jiskopru kif in-natura tesprimi ruħha permezz tal-ħoss, il-mudelli u l-moviment, filwaqt li jsaħħu l-ħiliet tagħhom fil-ħsieb kritiku u s-soluzzjoni tal-problemi f’ambjent informali.

 

 

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti qal, “Inizjattivi ta’ din in-natura jkomplu jsaħħu l-impenn ta’ Malta lejn edukazzjoni STEAM ta’ kwalità u t-tagħlim informali fix-xjenza. Ambjenti esperjenzjali bħall-Esplora għandhom l-irwol ewlieni li jikkumplimentaw l-edukazzjoni formali billi jipprovdu opportunitajiet attraenti u prattiċi għat-tfal u l-familji tagħhom. Dawn il-kompetenzi huma fundamentali biex inħejju liż-żgħażagħ isiru ċittadini responsabbli li kapaċi jaddattaw irwieħhom għal dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel.”

 

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Esplora, Vince Micallef Pulè nnota li l-programm jippromwovi kuxjenza ambjentali u aċċess inklużiv għal edukazzjoni fix-xjenza għall-familji kollha. Huwa sostna, “Permezz ta’ attivitajiet prattiċi mfassla b’attenzjoni, it-tfal u l-familji se jkunu mħeġġa josservaw fenomeni naturali u jesperimentaw b’varjetà ta’ materjali ispirati mill-ambjent. L-għan tagħna huwa li nuru kif l-esplorazzjoni xjentifika tista’ sseħħ permezz tal-logħob u l-kreattività. Nistiednu lill-familji jżuru l-Esplora għal esperjenza sigura u stimulanti li tħalli lil kull min iżur mimli b’ideat ġodda u bix-xewqa li jkompli jesplora u joħloq.”

 

Matul il-ġimgħa tal-festival se jittellgħu bosta inizjattivi varjati, inklużi wirjiet interattivi tax-xjenza, workshops kreattivi u esperjenzi sensorji mfassla għal gruppi ta’ età differenti. L-attivitajiet se jesploraw temi bħall-komunikazzjoni tal-annimali, il-bijomekkanika fin-natura, u t-teorija tad-dawl u l-kulur, kif ukoll involviment sensorju speċjalizzat għat-tfulija bikrija. Dan kollu qed isir biex tiġi żgurata parteċipazzjoni inklużiva tul l-istadji differenti tal-iżvilupp tat-tfal.

 

Għal aktar informazzjoni u biljetti, wieħed jista’ jżur is-sit www.showshappening.com jew id-dettalji fuq il-paġna uffiċjali tal-Esplora.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *