Editorjal : Meta l-Liġi Tmut, Jibqa’ Biss il-Poter

Neville Gafa

~ 2 days ago

Editorjal : Meta l-Liġi Tmut, Jibqa’ Biss il-Poter

It-tmexxija tal-Iran ġiet attakkata u meqruda qisu ma ġara xejn. Dak li ġara ma jfissirx biss att militari; jissimbolizza xi ħaġa aktar profonda.

 

In-normi li darba kienu jżommu l-Ordni Internazzjonali, issa tfarrku. Ir-regoli li fuqhom kienet mibnija s-sistema globali qed jitilfu s-saħħa tagħhom, u l-istrutturi li kellhom jipproteġuhom, u hawn nirreferi għal Nazzjonijiet Uniti, spiċċaw bħal dell ta’ Istituzzjonijiet minn epoka tal-passat.

 

 

United Nations

 

F’dan il-kuntest, il-messaġġ mgħoti hemm barra huwa ċar: il-Liġi Internazzjonali m’għadhiex il-limitu suprem tal-azzjoni politika. Dak li jibqa’ huwa l-ġudizzju tas-saħħa u r-rieda tal-poter. Meta mexxej jgħid li kull azzjoni tiegħu hija ġġustifikata sempliċement għax huwa jista’ jagħmilha, allura l-bilanċ bejn il-liġi u l-forza jisfaxxa.

 

Dan biddel il-mentalità tal-Ordni Dinjija. L-istruttura li kienet tfittex li tillimita l-poter permezz ta’ regoli u istituzzjonijiet, qed tagħti lok għal realtà kważi primittiva. Realtà fejn il-forza ssir il-lingwa primarja tal-politika u tieħu post id-Diplomazija.

 

Id-dinja kienet diġà miexja gradwalment lejn din id-direzzjoni. Iżda jiġi mumenti fl-Istorja li huma bħall meta wieħed jaqsam pont, u ċ-ċirkostanzi jwasslu li r-ritorn lura għall-punt tat-tluq ikun impossibbli. Il-mument li qed ngħixu bħalissa jista’ jiġi deskritt b’mod hekk sempliċi.

 

 

Jekk Stat jista’ jelimina t-tmexxija militari, politika u reliġjuża ta’ Stat Sovran mingħajr ebda qafas legali jew mandat Internazzjonali, allura d-dinja tidħol f’fażi ġdida. F’din il-fażi, il-liġi ma tibqax il-pedament tal-Ordni, iżda ssir sempliċi dekorazzjoni u irrelevanti għar-realtà dominata mill-poter.

 

U meta dan iseħħ, jerġa’ jitfaċċa prinċipju antik ħafna:

 

Meta l-Liġi tmut, jibqa’ biss il-poter. U l-filosofija tal-Poter hi sempliċi: Li għandi nagħmel se nagħmlu. Jekk nista’ nagħmlu, ser nagħmlu.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *