Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni organizza t-tielet minn sitt avvenimenti tematiċi li se jittellgħu matul din is-sena b’kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta. Wara s-suċċess ta’ diskussjonijiet preċedenti, dan l-avveniment iffoka fuq l-Intelliġenza Artifiċjali u t-Teknoloġiji Diġitali, setturi li huma l-qalba tal-bidla moderna. Din is-sensiela t’avvenimenti se tkompli fix-xhur li ġejjin b’attenzjoni fuq oqsma oħra kruċjali, inkluż in-Nutrizzjoni, l-iGaming u l-Fintech, u l-Enerġija Nadifa.

Keith Azzopardi Tanti
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq li l-erba’ proġetti ppreżentati llum, b’investiment totali ta’ aktar minn €475,000, jirrappreżentaw l-aqwa innovità Maltija. Huwa spjega li dawn l-inizjattivi jippruvaw li Malta saret żviluppatur kuraġġuż ta’ teknoloġija li tindirizza sfidi reali. Dan l-isforz jinkwadra perfettament fil-Viżjoni Malta 2050, bl-għan li tinbena ekonomija ta’ valur għoli u sostenibbli mmexxija mill-innovazzjoni. Dan filwaqt li t-trasformazzjoni diġitali hija waħda mill-ħames għodod ewlenin għat-twettiq tal-Viżjoni nnifisha. “Il-futur diġitali mhux qed jiġi importat, iżda qed jinkiteb hawnhekk f’pajjiżna bil-kapaċitajiet tagħna,” sostna s-Segretarju Parlamentari.
Huwa żied li din il-pjan strateġiku huwa mibni fuq tliet elementi fundamentali: forza tax-xogħol lesta għall-futur fejn ir-riċerkaturi u l-istudenti qed jiġu mħarrġa fuq pjattaformi real-world, ekonomija diġitali li sservi bħala magna għat-tkabbir, u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja fejn it-teknoloġija ssaħħaħ is-sigurtà u l-valuri demokratiċi tagħna.
L-avveniment inkluda l-preżentazzjoni tal-erba’ proġetti innovattivi:
DIHICS: Proġett li juża wall-climbing robots u machine learning biex jispezzjona l-pontijiet b’mod awtomatizzat, u b’hekk inaqqas ir-riskji għall-ħaddiema u l-inkonvenjent għall-pubbliku.
TEKAID6G u VeLoWave: Inizjattivi li qed iwittu t-triq għall-futur tas-6G u l-agrikoltura intelliġenti , filwaqt li jiżguraw li l-konnettività tkun effiċjenti fl-enerġija u kapaċi tilħaq żoni remoti.
NBxAI: Proġett li juża Explainable AI biex jgħin fl-identifikazzjoni ta’ visual bias fl-aħbarijiet, bl-għan li tinbena soċjetà aktar infurmata u kritika.
Ir-riċerkaturi spjegaw kif dan ix-xogħol jservi ta’ pont bejn l-isfidi kumplessi tal-lum u s-soluzzjonijiet li se jiddefinixxu l-għada. Billi tiżviluppa għodod li huma open-source, Malta qed tippożizzjona ruħha bħala “hub” globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

