Laqgħa mal-Malta Maritime Forum dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir

Neville Gafa

~ 3 hours ago

Laqgħa mal-Malta Maritime Forum dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi u ċ-Chairperson Ryan Fava, iltaqgħu mal-Malta Maritime Forum (MMF) bħala parti mill-proċess ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar il-pjan tal-gvern għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

 

 

Din il-laqgħa serviet bħala opportunità biex jitkompla d-djalogu mas-settur marittimu dwar il-viżjoni għall-futur ta’ din iż-żona strateġika, filwaqt li ġew diskussi sfidi u opportunitajiet li jeżistu.

 

Fil-ftuħ tad-diskussjoni, iċ-Chairman tal-MMF Godwin Xerri qal li l-għan wara din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien li jipprovdi pjattaforma lill-membri kollha tal-Forum biex jesprimu l-fehmiet, it-tħassib u l-aspettattivi tagħhom li jirriżultaw minn dan il-proġett. Minn dan ir-rispons, il-Forum se jifformula sommarju tal-fehmiet espressi biex jiġu meqjusa fit-tfassil ta’ dan il-proġett. Huwa rringrazzja lill-Ministru Miriam Dalli, lill-Inġ Ryan Fava u lil Gino Cauchi għad-dispożizzjoni tagħhom.

 

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-Gvern huwa impenjat ikompli jisma’ u jikkonsulta mal-partijiet kollha interessati sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jħarsu kemm il-wirt storiku tal-port, l-operat tal-port, kif ukoll il-ħtiġijiet futuri. Hija sostniet li d-diskussjoni miftuħa mal-istakeholders hija essenzjali biex il-proġett jirnexxi.

 

“Mhux se nieqfu niddiskutu u nikkonsultaw. Irridu nifhmu sew l-isfidi kollha li jeżistu u flimkien insibu s-soluzzjonijiet li jagħmlu sens għall-pajjiż. Irridu Port il-Kbir li jirrispetta minn fejn ġejna, li jagħti ġieħ lill-wirt u l-istorja tagħna, iżda li fl-istess ħin iħares ‘il quddiem u joħloq opportunitajiet ġodda. Għalhekk il-pjanijiet għal din iż-żona jridu jippermettu ferm aktar minn dak li hemm sal-lum, sabiex il-port jerġa’ jkun ċentru ta’ attività ekonomika, kulturali u soċjali,” qalet il-Ministru.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi, spjega li għal snin twal din iż-żona kellha ġġorr il-piż ta’ attività industrijali qawwija, u għalhekk illum hemm opportunità reali biex tingħata direzzjoni ġdida. “Il-Port il-Kbir u l-madwar tiegħu għal ħafna snin kellhom iġorru piż industrijali sinifikanti. Illum wasal iż-żmien li nibdew kapitlu ġdid ta’ riġenerazzjoni għal din iż-żona. Permezz ta’ dan il-pjan qed nippreżentaw il-kunċett ta’ kif il-port jista’ jingħata ħajja mill-ġdid, b’viżjoni moderna u sostenibbli li tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiż kollu kemm hu,” qal Cauchi.

 

 

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-GHRC Ryan Fava enfasizza li l-proċess ta’ konsultazzjoni huwa kruċjali sabiex il-proġett jitfassal b’kollaborazzjoni mas-setturi kollha affettwati. “Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni mhuwiex biex ixekkel jew iwaqqaf operazzjonijiet eżistenti. Għall-kuntrarju, irridu nifhmu aħjar ir-realtajiet u l-ħtiġijiet tas-settur sabiex nistgħu naħdmu flimkien. Huwa proġett importanti għaliex għandna port ħaj u attiv, u rridu niżguraw li l-iżvilupp futur tiegħu jibqa’ jsaħħaħ dan il-karattru,” qal Fava.

 

 

Wara dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika se jibda x-xogħol mas-settur privat biex din ir-riġenerazzjoni tkun tista’ titwettaq. Ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir hija ppjanata li titwettaq f’erba’ fażijiet, bil-għan li tinħoloq żona ta’ standard internazzjonali li tagħti ġieħ lill-wirt marittimu Malti filwaqt li toffri spazji fejn il-kultura, is-servizzi u r-rikreazzjoni jkunu jistgħu jgħixu flimkien. L-ewwel fażi tal-pjan tiffoka fuq it-trasformazzjoni tal-waterfront tal-Marsa u s-sit tal-eks power station f’żona mħallta u vibranti, b’użu modern, sostenibbli u ta’ kwalità. Dan l-iżvilupp huwa maħsub biex joħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda u jġib il-port eqreb tan-nies u l-familji. Id-disinn ta’ dan il-proġett qed jitħejja mill-esperti tad-ditta internazzjonali rinomata Chapman Taylor.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *