F’dawn il-jiem ta’ tensjonijiet dejjem jikbru fil-Lvant Nofsani, ir-Russja qed tidher bħala waħda mill-akbar benefiċjarji ekonomiċi indiretti ta’ dan il-kunflitt. Filwaqt li r-reġjun jinsab f’instabbiltà militari u politika, Moska qed tagħmel qligħ sostanzjali miż-żieda qawwija fil-prezzijiet taż-żejt u mill-bidliet fid-domanda globali għall-enerġija.
Skont rapport tal-Financial Times, ir-Russja qed taqla’ sa $150 miljun (madwar £112 miljun) kuljum f’dħul addizzjonali mill-esportazzjonijiet taż-żejt. Dan il-qligħ qed jiġi prinċipalment grazzi għall-għeluq tal-Istrett ta’ Hormuz, passaġġ strateġiku minn fejn jgħaddi madwar 20% tal-provvista globali taż-żejt. It-tensjonijiet militari fir-reġjun wasslu biex it-trasport kummerċjali minn dan l-istrett jitnaqqas jew jiġi interrott, u b’hekk pajjiżi importaturi ewlenin bħall-Indja u ċ-Ċina qed iduru aktar lejn iż-żejt Russu bħala alternattiva.

Skont stimi ekonomiċi, il-Kremlin diġà daħħal bejn $1.3 u $1.9 biljun f’taxxi mhux mistennija mill-esportazzjonijiet taż-żejt minn mindu bdiet il-kriżi. Dan qed isaħħaħ il-baġit Russu fi żmien meta l-ekonomija tal-pajjiż għadha taħt pressjoni minħabba s-sanzjonijiet tal-Punent u l-involviment militari kontinwu fl-Ukrajna.
Qed naraw ukoll eżenzjoni mgħotija mit-Teżor Amerikan, li jippermettu lir-raffineriji Indjani jixtru żejt Russu sanzjonat li diġà jkun fil-baħar. Skont xi stimi, dan jista’ jwassal biex l-esportazzjoni Russa lejn l-Indja tirdoppja fuq medda qasira ta’ żmien.
Bla dubju l-involviment tal-President Donald Trump fil-kunflitt fil-Lvant Nofsani wassal biex isaħħaħ ekonomikament lir-Russja u lill-President Vladimir Putin. L-eskalazzjoni militari li wasslet biex il-prezzijiet globali taż-żejt jaqbżu $100 kull barmil ipprovdiet lil Moska bi dħul addizzjonali enormi mill-fossil fuels. Dan jista’ jlaħħaq sa $600 miljun kuljum. Dan id-dħul jgħin direttament biex jiffinanzja l-ekonomija tal-gwerra Russa fl-Ukrajna.

Vladimir Vladimirovich
Analisti politiċi u mexxejja Ewropej esprimew tħassib li dan l-iżvilupp jista’ jdgħajjef l-appoġġ internazzjonali għall-Ukrajna filwaqt li jsaħħaħ il-pożizzjoni strateġika ta’ Putin.
Madankollu, kollox jiddependi dwar kemm ser idum l-għeluq fl-Istrett ta’ Hormuz. Jekk l-instabbiltà tippersisti għal żmien twil, dan ikun ifisser li r-Russja tista’ tikseb għexieren ta’ biljuni ta’ dollari oħra fi dħul addizzjonali, fatt li juri kemm is-swieq globali tal-enerġija u l-ġeopolitika huma marbuta mill-qrib.
Bla dubju, ir-Russja indirettament hija l-akbar rebbieħa fost dan it-taqlib fl-enerġija relatat mal-kunflitt fil-Lvant Nofsani.

