Il-Gwerra tal-Eżistenza

Neville Gafa

~ 34 minutes ago

Il-Gwerra tal-Eżistenza

Il-poplu Iranjan sab ruħu f’mument storiku ta’ prova. L-attakki li laqtu t-tmexxija militari u reliġjuża tiegħu ma kinux biss operazzjonijiet militari; kienu mossa maħsuba biex tħawwad l-istruttura kollha tal-istat. Meta jintlaqat iċ-ċentru simboliku u spiritwali ta’ pajjiż, l-għan ma jkunx biss li jinkiseb vantaġġ tattiku, iżda li jinkiser il-moral kollettiv ta’ poplu sħiħ.

 

Madankollu l-istorja turi li attakki bħal dawn spiss ikollhom effett oppost. Minflok ma jkissru soċjetà, ħafna drabi jqajmu fiha sens aktar qawwi ta’ identità u destin komuni. Fil-każ tal-Iran, il-mewt u t-telf li ġarrab il-pajjiż ma ħolqux kollass politiku immedjat; għall-kuntrarju, saħħew ir-rabta bejn il-poplu u t-tmexxija tiegħu.

 

Il-kunflitt innifsu qed jiġi interpretat bħala simbolu reliġjuż u storiku. Fil-retorika Iżraeljana qed jiġi interpretat bħala l-mit bibbliku ta’ Amalek, simbolu tal-għadu li għandu jiġi megħlub kompletament. Min-naħa Iranjana, il-kunflitt jiġi spiss interpretat f’termini apokalittiċi, fejn il-forzi tal-Punent immexxija mill-Istati Uniti jiġu interpretati bħala manifestazzjoni ta’ Dajjal, figura li fit-tradizzjoni Islamika tirrappreżenta l-qerq u l-konfront finali qabel il-ġudizzju.

 

 

Meta kunflitt jiġi interpretat fuq livell simboliku u spiritwali, jitlaq mill-kalkolu purament strateġiku u jidħol f’qasam ħafna aktar perikoluż: dak tal-gwerra eżistenzjali.

 

Fil-bidu ta’ dan il-kunflitt, sħaqt li l-Iran qed jiġġieled għall-eżistenza tiegħu. Iżda issa wara ġimgħatejn ta’ gwerra ngħid b’wiċċi minn quddiem li l-istess nistgħu ngħidu għall-Istat Lhudi. Iżrael ukoll qed jiġġieled għall-eżistenza tiegħu.

 

 

Din mhux gwerra. Din hija l-GWERRA. 

 

F’dawn iċ-ċirkostanzi, kompromess politiku jsir diffiċli ħafna, għax kull naħa tibda tara lilha nnifisha bħala difensur tal-verità jew il-missjoni storika.

 

Tentattivi diplomatiċi li kienu għaddejjin fl-istess ħin mal-operazzjonijiet militari dgħajfu aktar il-fiduċja bejn il-partijiet. Meta negozjati u attakki militari jseħħu fl-istess mument, il-kunċett ta’ diplomazija jitqies bħala strument tattiku aktar milli triq li tista’ twassal lejn il-paċi.

 

Konsegwenza ta’ dan iwassal biex il-kunflitt jidħol f’fażi fejn il-loġika tal-eskalazzjoni ssir dominanti. Il-kwistjoni ma tibqax sempliċiment dwar territorju jew influwenza reġjonali, iżda dwar prestiġju, sopravivenza politika u identità taċ-ċiviltà.

 

F’dan il-kuntest, il-futur tal-kunflitt jiddependi dejjem aktar fuq ir-rieda strateġika tal-atturi ewlenin. Meta żewġ narrattivi messjaniċi jiltaqgħu, wieħed ibbażat fuq mitoloġija bibblika u l-ieħor fuq simboli Islamici, il-gwerra ma tibqax biss konfront bejn Stati. Issir konfront bejn viżjonijiet differenti tad-dinja.

 

U f’dawn il-mumenti tal-istorja, il-mistoqsija ma tibqax min se jirbaħ din il-gwerra, iżda jekk il-politika għadhiex kapaċi tirritorna permezz tad-diplomazija qabel ma l-kunflitt jittrasforma ruħu f’konfront irreversibbli.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *