Diġà tqassmu mal-€200,000 f’għotjiet għall-applikanti tal-ewwel sena

Jonathan Attard
Għat-tieni sena konsekuttiva ġiet imnedija l-iskema Ixtri Proprjetà Sostenibbli li permezz tagħha dawk li se jixtru proprjetà li hi konformi mal-istandards ta’ sostenibbiltà se jkunu qed jirċievu għotja ta’ bejn €4,500 u €9,000 maqsuma fuq it-tliet snin li ġejjin.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, fl-uffiċini tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni l-Perit Roderick Bonnici.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li din l-iskema hi ħolqa minn kullana ta’ inizjattivi li l-Gvern qed jagħmel sabiex aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom u fl-istess waqt tkompli t-triq lejn il-Viżjoni Malta 2050 fejn tidħol is-sostenibbiltà. Fil-fatt din l-iskema tallinja mal-miżura makro 30 tal-Viżjoni fejn il-Gvern qed joħroġ inċentivi fiskali u skemi biex ikollna aktar propjetajiet sostenibbli.

F’din il-konferenza ntqal kif dawk li xtraw proprjetajiet sostenibbli mill-1 ta’ Ottubru tas-sena 2025 se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal din l-iskema li se tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Settembru li ġej. Is-sidien il-ġodda ta’ proprjetajiet li huma klassifikati bħala Net Zero, jew aħjar dawk il-proprjetajiet li jiġġeneraw iżjed enerġija milli għandhom bżonn, se jkunu qed jirċievu l-ammont ta’ €3,000 fis-sena, fuq tliet snin, għal total ta’ €9,000. Dawk li l-proprjetà tagħhom hi waħda li hi 20% aħjar minn dak rikjest mill-istandards Ewropej, se jkunu qed jirċievu l-għotja ta’ €1,500 fis-sena, għat-tliet snin li ġejjin, b’total ta’ €4,500.
“Permezz ta’ din l-iskema, qed noħolqu inċentiv dirett liċ-ċittadin biex jinvestu f’bini li jikkonsma inqas enerġija u li jħaddan standards ogħla ta’ sostenibbiltà. Dan kollu se jkun qiegħed iwassal għal numru ta’ benefiċċji għaċ-ċittadini b’kontijiet tal-enerġija aktar baxxi, u impatt ambjentali aktar limitat,” sostna l-Ministru Attard.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-iskemi oħra li qiegħda toħroġ l-Awtorità inkluż għall-iskema ‘Irrinova Darek’ li wkoll ħarġet għat-tieni darba aktar kmieni din is-sena. Rigward l-iskema ‘Ixtri Proprjetà Sostenibbli’, il-Ministru qal li minn fost madwar 200 applikazzjoni fl-ewwel sena tal-iskema, diġà nħarġu mal-€200,000 bħala l-ewwel pagament.

Roderick Bonnici
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, spjega li ma’ kull applikazzjoni jrid jiġi sottomess il-kuntratt finali tax-xiri tal-proprjetà u l-Energy Performance Certificate tal-binja hekk kif mibnija u allura mhux dak ibbażat fuq id-disinn tal-binja. Qal ukoll li jista’ jkun hemm biss applikazzjoni waħda għal kull binja, u applikazzjoni waħda għal kull persuna.
“Fl-aħħar snin l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni kienet katalista sabiex l-istokk tal-bini eżistenti u dak li qed jinbena jkun wieħed sostenibbli li jilħaq standards Ewropej. Fil-fatt l-awtorità fl-aħħar snin waqfet sezzjoni apposta biex tiżgura s-sostenibbiltà tal-istess bini. Permezz ta’ din it-tieni sejħa ta’ Ixtri Proprjetà Sostenibbli qed immorru pass oltre u ċioè li ngħinu lil dawk li se jixtru proprjetà tkun waħda aktar sostenibbli u li tuża anqas enerġija,” temm jgħid il-Perit Bonnici.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm fost l-oħrajn iċ-Chairman tal-Bord tal-BCA l-Perit Simon Saliba u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Johan Galea.
Għal iżjed informazzjoni dwar din l-iskema u informazzjoni oħra, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-awtorità fuq il-helpline 138.

