Tislima lil Umberto Bossi (19 ta’ Settembru 1941 – 19 ta’ Marzu 2026)

Neville Gafa

~ 7 minutes ago

Tislima lil Umberto Bossi (19 ta’ Settembru 1941 – 19 ta’ Marzu 2026)

Bejn il-Poter u l-Prinċipju: Il-Wirt ta’ Umberto Bossi

 

 

Umberto Bossi

 

Ħalliena Umberto Bossi, il-fundatur tal-Lega Nord. L-Ewropa tilfet figura politika li ma kinitx biss attur fl-Istorja, iżda wieħed minn dawk li jippruvaw ibiddlu d-direzzjoni tagħha. Raġel li kellu l-kuraġġ jgħum kontra l-kurrent u li wasal ferm aktar ‘il bogħod milli ħafna qatt bassru.

 

Bossi qatt ma kien politiku ordinarju. Kien fundatur. U l-fundaturi, min-natura tagħhom, ma jfittxux il-kumdità tal-kunsens universali; huma jfittxu li joħolqu fruntieri ġodda; psikoloġiċi, politiċi, u anke spiritwali. Il-fundatur ma jimxix mal-massa; inebbaħ u jistieden lill-massa tagħżel jekk timxix warajh jew le.

 

Bena’ Moviment fuq prinċipju wieħed, sempliċi iżda sod: “qatt tingħaqad mal-faxxisti.” Dan ma kienx slogan vojt, iżda direzzjoni. Forma ta’ dixxiplina morali u politika.

 

 

Għal għexieren ta’ snin mexa f’dik id-direzzjoni , anke meta r-riħ dar kontrih, anke meta l-kompromess kien jidher bħala l-aktar triq faċli. U hawnhekk tinsab id-differenza bejn politiku u figura storika: l-ewwel jadatta ruħu għaċ-ċirkostanzi; it-tieni jipprova jibdilhom.

 

Fil-fond, il-ħajja politika ta’ Bossi kienet riflessjoni ta’ kunflitt aktar antik—bejn il-prinċipju u l-opportuniżmu, bejn l-identità u l-konformità. F’dinja fejn ħafna jagħżlu li jissagrifikaw il-valuri biex jibqgħu rilevanti, hu għażel li jirriskja l-irrilevanza biex jibqa’ leali lejn dak li jemmen.

 

Forsi għalhekk, il-wirt tiegħu ma jistax jitkejjel biss bil-politika immedjata, iżda bil-mistoqsijiet li jħalli warajh: X’inhu mexxej veru? Huwa dak li jirbaħ elezzjonijiet, jew dak li jħalli ideal li jgħix wara li jitlaq? X’jiswa l-aktar, il-poter jew il-koerenza?

 

Fi żmien meta l-politika Ewropea tilfet ir-ruħ tagħha f’kalkoli tekniċi u kompromessi bla forma, Bossi rrappreżenta xi ħaġa aktar importanti: il-ħtieġa tal-bniedem li jappartjeni, li jidentifika ruħu, li jħoss li għandu vuċi u post fid-dinja.

 

 

 

Kien ġgant fil-politika. Mhux għax kulħadd qabel miegħu, iżda għax ħadd ma seta’ jinjorah. Eżempju ta’ determinazzjoni u viżjoni, u mexxej li ta vuċi lil dawk li għal żmien twil ħassewhom siekta.

 

Fl-aħħar mill-aħħar, forsi l-akbar verità dwar Bossi hija din: li l-figuri li jifirdu huma ħafna drabi dawk li jibqgħu. Għax filwaqt li l-kunsens jgħaddi, il-konvinzjoni tibqa’.

 

Qatt mhu se ninsewk, Umberto.

 

Strieħ fis-sliem.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *