Onor. Malcolm Paul Agius Galea: L-Anzjanità Attiva – Il-Prova Morali ta’ Nazzjon

Neville Gafa

~ 2 hours ago

Onor. Malcolm Paul Agius Galea: L-Anzjanità Attiva – Il-Prova Morali ta’ Nazzjon

L-anzjanità, jew kif nafuha aħna bħala xjuħija, mhix telfa. Hija l-aħħar kapitlu. Mhux ta’ tnaqqis, imma ta’ rivelazzjoni. F’din il-fażi finali tal-eżistenza, il-bniedem jiltaqa’ mal-verità tiegħu nnifsu: dak li bena, dak li ħalla warajh, u dak li jibqa’ jgħix lil hinn minnu.

 

U madankollu, soċjetajiet moderni spiss jittrattaw ix-xjuħija bħala problema teknika, xi ħaġa li trid tiġi amministrata, immaniġġjata, kważi mħassra mill-viżibilità pubblika. Dan iwassal għall-mistoqsija fundamentali: aħna nazzjon li jonora t-tmiem tal-ħajja, jew wieħed li jibża’ minnu?

 

Malta tinsab quddiem mument determinanti. Il-ħajja qed titwal, fenomenu li, fih innifsu, huwa trijonf tal-progress uman. Iżda ħajja twila mingħajr dinjità mhix rebħa; hija biss estensjoni tal-eżistenza vojta. Għalhekk, il-kejl veru taċ-ċiviltà ma jinsabx fil-ġid komuni, jew fit-teknoloġija tagħha, imma fil-mod kif tħares lejn dawk li m’għadhomx fil-qofol tal-produzzjoni, iżda jinsabu fil-quċċata tal-għerf.

 

L-Anzjanità Attiva mhix politika, hija viżjoni antropoloġika. Hija dikjarazzjoni li l-bniedem ma jiċkienx fil-kobor soċjali tiegħu maż-żmien, iżda jittrasforma ruħu. Huwa patt bejn il-ġenerazzjonijiet: dak li rċevejna, irridu nerġgħu nrodduh lura. F’dan il-patt insibu l-qalba tal-valuri Maltin; il-familja, is-solidarjetà, u r-rispett lejn id-dinjità intrinsika tal-persuna.

 

 

 

Minn Sopravivenza għal Tisfija tal-Ħajja

 

Il-kunċett ta’ “Active Ageing” jitlob li naħsbu mill-ġdid x’inhi l-ħajja f’età avvanzata. Mhix stadju ta’ passività, imma ta’ kontemplazzjoni attiva u kontribuzzjoni kontinwa. Hawnhekk insibu l-idea marbuta tajjeb ħafna ma Aristotle, magħrufa bħala eudaimonia, li tfisser li s- sbuħija tal-bniedem ma tieqafx mal-età, iżda ssir aktar pura.

 

Il-problema moderna hija li tipprova tkejjel il-valur tal-bniedem skont il-produttività tiegħu. Iżda l-anzjan ifarrak kompletament din il-loġika. Huwa juri li l-valur veru jinsab fl-esperjenza, fil-memorja, fil-kapaċità li jifhem il-ħajja mhux biss bħala serje ta’ avvenimenti, imma bħala narrazzjoni sħiħa.

 

Soċjetà li tagħlaq lill-anzjani tagħha f’periferiji inviżibbli qed tagħmel att ta’ amnesija kollettiva. Qed titlef il-kuxjenza tagħha stess. Għalhekk, l-anzjanità attiva tfisser komunità fejn l-anzjan mhux biss jiġi protett, imma jkun preżenti bħala għalliem, bħala gwida, bħala xhud tal-istorja ħajja.

 

 

Ġustizzja, Imħabba u Dmir

 

Il-mistoqsija “għaliex għandna nieħdu ħsieb lill-anzjani?” hija, fil-fatt, mistoqsija li tixhed dwar min tassew aħna.

 

Il-bniedem qatt ma jista’ jigi ridott daqs li kieku kien xi oġġett. Ix-xjuħija ma tneżżgħux mid-dinjità; anzi, tpoġġi fuqna obbligi morali akbar. Fil-kuntest tagħna l-Maltin, imnaqqax minn tradizzjoni Nisranija, il-kmandament li nonoraw lill-ġenituri tagħna jestendi lil hinn mid-dar. Jinbidel fi struttura morali tas-soċjetà kollha.

 

Imma hemm dimensjoni oħra, aktar profonda: dik tal-gratitudni. L-anzjani mhumiex barranin għalina; huma l-għeruq tas-soċjetà tagħna. Huma dawk li bnew l-istituzzjonijiet, li għexu s-sagrifiċċji, li ffurmaw il-kultura li sawritna bħala Nazzjon. Meta nieħdu ħsiebhom, mhux qed nagħmlu att ta’ karità, iżda qed nirrikonoxxu dejn ontoloġiku.

 

Jekk ninsew dan, inkunu qed ngħallmu lill-ġenerazzjonijiet futuri li l-valur tal-bniedem huwa temporanju. Li, meta tispiċċa l-utilità tiegħek, tisparixxi wkoll id-dinjità tiegħek. Soċjetà li temmen dan tkun diġà tilfet ruħha.

 

 

 

Il-Viżjoni: Soċjetà Li Ma Tħalli Lil Ħadd Jixjieħ Waħdu

 

Il-futur li rridu nibnu mhux wieħed fejn ix-xjuħija hija tollerata, imma fejn hija ċċelebrata bħala stadju essenzjali tal-ħajja. Dan ifisser spazji fejn l-anzjan jista’ jimxi mingħajr biża’, jitgħallem mingħajr limitu, u jgħix sa l-aħħar nifs b’sens ta’ appartenenza.

 

Iżda din mhix biss kwistjoni ta’ politika pubblika. Hija sejħa kulturali:

 

• Il-familji jridu jerġgħu jiskopru l-valur tal-preżenza tal-anzjani.

 

• Iż-żgħażagħ iridu jitgħallmu jisimgħu, mhux biss jitkellmu.

 

• Is-soċjetà trid tifhem li l-għerf ma jitkejjel qatt bl-età, imma jiġi perfezzjonat bl-età.

 

 

Il-Kejl Veru tal-Anzjanità

 

Fl-aħħar mill-aħħar, kull nazzjon jiffaċċja prova morali fundamentali: kif jittratta lil dawk li ma jistgħux jagħtuh aktar saħħa, imma jistgħu jagħtuh sens u direzzjoni.

 

Ix-xjuħija hija mera. Riflessjoni li fiha naraw min tassew aħna. Jekk aħniex komunità li tibni jew waħda li tarmi, jekk aħna poplu li jiftakar jew li jinsa. Aħniex poplu rikonoxxenti jew ingrat.

 

Jekk nagħżlu t-triq tal-ġustizzja soċjali u tal-kompassjoni, Malta tista’ ssir mhux biss pajjiż li jgħix fit-tul, imma pajjiż li jgħix fil-fond. Pajjiż fejn il-ħajja ma titkejjilx biss bil-bidu tagħha, imma wkoll bit-tmiem tagħha.

 

Kif qal Ċiċerun, il-ħsad tax-xjuħija huwa l-abbundanza tal-barka miġbura tul il-ħajja.

Il-mistoqsija hija sempliċi u serja fl-istess ħin:

 

X’se jkun il-ħsad tagħna bħala nazzjon?

 

Jekk niżgħru d-dinjità, naħsdu ċiviltà. Jekk ninsew lill-anzjani, ninsew lilna nfusna.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *