Reach for the Stars” hija t-tema li ntgħażlet għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ SkolaSajf li se tibda mit-13 ta’ Lulju sal-11 ta’ Settembru, b’waqfa fil-ġimgħa ta’ Santa Marija, bejn l-10 u l-14 ta’ Awissu. L-applikazzjonijiet jiftħu llum 23 ta’ Marzu u jagħlqu fl-4 ta’ Mejju.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fil-Kulleġġ Santa Klara, Skola Primarja Pembroke. “SkolaSajf hija parti mill-viżjoni u l-ħidma tagħna biex is-sistema edukattiva tirrifletti r-realtajiet u l-bżonnijiet tas-soċjetà li qed ngħixu fiha, u huwa servizz li permezz tiegħu nrawmu lit-tfal minn età żgħira permezz ta’ tagħlim alternattiv li jgħinhom fil-ħajja futura tagħhom,” qal il-Ministru Grima.

Huwa semma t-trasformazzjoni li għaddejja fis-settur edukattiv u qal li SkolaSajf hija parti minn din it-trasformazzjoni għaliex hija mezz ieħor ta’ edukazzjoni fuq firxa aktar wiesgħa. “Qed inkomplu nsaħħu l-livelli kollha tas-settur li jikkontribwixxu fit-tul biex nindirizzaw numru ta’ sfidi soċjali sa’ minn età żgħira. Qed nagħmlu dan kemm permezz tal-politiki li qed nadottaw, parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, imma wkoll b’diversi miżuri u inizjattivi li qed nadottaw,” qal il-Ministru Grima.
L-attendenza tat-tfal fi SkolaSajf kibret maż-żmien u llum il-ġurnata laħqet madwar 12,000 student u studenta. SkolaSajf jingħata minn 54 ċentru madwar Malta u Għawdex bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa li jinkludu ċentri edukattivi għal studenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali.
It-tema magħżula din is-sena tagħti messaġġ importanti lit-tfal, li permezz tal-edukazzjoni fost oħrajn jistgħu jilħqu l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħhom. Il-Ministru Clifton Grima tkellem mhux biss dwar is-servizz eċċellenti ta’ SkolaSajf, imma wkoll kif f’dawn it-tmien ġimgħat, it-tfal se jkunu qed ikomplu jieħdu edukazzjoni ta’ kwalità.

Biex jitħaddem dan is-servizz jiġu ngaġġati diversi impjegati f’rwoli differenti, minn koordinaturi, playworkers, child support workers, sports playworkers u playworker performing arts.
Fl-okkażjoni tal-lum, tliet studenti ingħataw rikonoxximent u rigal wara li ġew fl-ewwel tliet postijiet fil-kompetizzjoni li saret biex jiġi ddisinjat il-logo għall-edizzjoni ta’ din is-sena. Fl-ewwel post, Andrea Sarica (9) Kulleġġ Santa Tereża Primarja Lija-Balzan-Iklin, fit-tieni post Julianne Borg (6) Kulleġġ San Benedittu Skola Primarja Imqabba u fit-tielet post Mattias Barbara (7) Kulleġġ Santa Margarita Skola Primarja Zabbar A.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur:

