Servizz Ġdid fid-Djar biex Jissaħħaħ il-Kura tad-Diabetes fost l-Anzjani fil-Komunità

Neville Gafa

~ 7 hours ago

Servizz Ġdid fid-Djar biex Jissaħħaħ il-Kura tad-Diabetes fost l-Anzjani fil-Komunità

Il-prevalenza tad-Diabetes Mellitus fil-gżejjer Maltin hija stmata li tilħaq madwar 10%, u r-riċerka turi li din il-kundizzjoni taffettwa lill-individwi kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament.

 

Barra minn hekk, id-diabetes u l-kumplikazzjonijiet relatati magħha joħolqu piż sostanzjali mhux biss fuq min ibati minnha, iżda wkoll fuq il-familji tagħhom u fuq is-sistema tas-saħħa nazzjonali.

 

F’dan il-kuntest, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità evalwat is-servizzi eżistenti u identifikat diversi nuqqasijiet, speċjalment fil-monitoraġġ u s-segwitu tal-pazjenti. Fil-fatt, minn 416-il anzjan li użaw is-servizz tal-amministrazzjoni tal-insulina fl-aħħar sena, aktar minn 43% ma attendewx għall-appuntamenti tagħhom, filwaqt li madwar 20% ma kellhomx reġistrazzjoni medika adegwata.

 

 

Bħala risposta għal dan, ġie introdott is-servizz Home Diabetes Management, immirat lejn anzjani li jgħixu fid-djar tagħhom iżda għandhom mobilità limitata. Dan is-servizz joffri monitoraġġ, edukazzjoni u sapport personalizzat fid-dar. Waqt it-tnedija, l-Onor. Malcolm Paul Agius Galea enfasizza li dan is-servizz se jkun “tarka kruċjali” għal dawn il-pazjenti, peress li se jipprovdi kura aktar qrib tagħhom u adattata għall-bżonnijiet individwali.

 

L-Onor. Malcolm Paul Agius Galea żied li servizz bħal dan se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament, u jgħinhom iżommu aktar indipendenza u serħan il-moħħ. Fl-istess waqt, Dr Renzo De Gabriele u Dr Steve Agius spjegaw li din l-inizjattiva tifforma parti minn strateġija usa’ li tippromwovi kura aktar integrata, preventiva u sostenibbli fil-komunità.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *