Hekk kif l-inċertezzi ġeopolitiċi qed ikomplu jxekklu s-swieq globali, ir-reżiljenza, id-diversifikazzjoni u d-diplomazija huma kruċjali sabiex Malta tiżgura s-sigurtà ekonomika tagħha.
It-Tnejn filgħaxija, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, indirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, fil-Belt Valletta, fejn tkellem dwar l-implikazzjonijiet tal-instabbiltà globali fuq il-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta.
Il-gwerra fl-Ukrajna, il-kunflitti fil-Lvant Nofsani u fil-Golf, u l-kompetizzjoni dejjem tikber fuq teknoloġiji kritiċi u katini tal-provvista qed ibiddlu l-kummerċ globali, ixekklu r-rotot kummerċjali u joħolqu pressjonijiet ġodda fuq il-pajjiżi kollha. Quddiem din ir-realtà, Malta trid tagħti prijorità lir-reżiljenza, id-diversifikazzjoni u d-diplomazija, għanijiet li huma wkoll fil-qalba tal-viżjoni fit-tul ta’ Malta, lejn ekonomija li kapaċi tiflaħ għax-xokkijiet u taħtaf l-opportunitajiet.

Sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza, Malta jeħtieġ tibqa’ tinvesti “f’ħidmiet ta’ tħejjija, f’loġistika effiċjenti u f’konnettività sigura mas-swieq globali,” spjega Dr Borg, hekk kif saħaq dwar il-ħtieġa ta’ diversifikazzjoni lejn orizzonti ġodda, u tisħiħ tal-oqsma lokali li qed jirnexxu. “Id-diversifikazzjoni hija essenzjali biex nimirħu fi swieq ġodda u nibnu r-reżiljenza. Malta trid issaħħaħ il-bażi Ewropea tagħha filwaqt li tkompli żżid l-impenn tagħha fil-Mediterran, fil-Golf, fl-Afrika u f’ekonomiji emerġenti oħrajn, sabiex ma tkunx daqstant dipendenti fuq xi suq wieħed biss,” Dr Borg stqarr.
Id-Deputat Prim Ministru ħeġġeġ ukoll lil dawk kollha li għandhom sehem fl-ekonomija biex ikomplu jħarsu dawk l-oqsma li diġà qed jiksbu riżultati tajbin, fosthom is-servizzi finanzjarji, l-industriji diġitali, is-settur marittimu, l-avjazzjoni, it-turiżmu u l-manifattura avvanzata. Sostna li “dawn is-setturi jimpjegaw eluf ta’ persuni u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ġid nazzjonali, u għalhekk irridu niżguraw li jibqgħu jżommu l-kompetittività u jibqgħu regolati b’qafas b’saħħtu. L-istabbiltà u s-serħan il-moħħ jibqgħu essenzjali biex niksbu l-fiduċja tal-investituri, u aħna impenjati li nkomplu nipprovdu dan l-appoġġ.”
Id-diplomazija ekonomika u l-impenn multilaterali huma kruċjali wkoll. Filwaqt li spjega l-isforzi tad-diplomatiċi Maltin biex jappoġġjaw in-negozji barra minn xtutna, Dr Borg innota li “għal stati żgħar bħal Malta, il-fora multilaterali huma l-ewwel linja ta’ difiża tagħna. Permezz tal-impenn f’organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, Malta taħdem għal swieq ġusti u miftuħa, u għall-prevedibbiltà fil-kummerċ globali.”
Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-ippjanar strateġiku fit-tul. “Madwarna qed naraw tibdil mgħaġġel, li jeħtieġ nantiċipaw, mhux nirreaġixxu wara li jseħħ. Dan ifisser kollaborazzjoni b’saħħitha bejn il-gvern, in-negozji u d-diplomatiċi tagħna, flimkien ma’ investiment kontinwu fil-ħiliet, l-innovazzjoni u t-trasformazzjoni diġitali,” żied jgħid.

F’dan ir-rigward, Dr Borg faħħar lil Trade Malta, li twaqqfet permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ, għall-isforzi tagħha biex tappoġġja l-promozzjoni tal-esportazzjoni, it-taħriġ, il-ksib ta’ tagħrif dwar is-swieq u l-missjonijiet kummerċjali. “Flimkien mal-ambaxxati tagħna, se nsaħħu l-għajnuna tagħna biex niżguraw li n-negozji Maltin ikunu jistgħu jirnexxu fuq livell internazzjonali,” huwa qal.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar ukoll lill-Kamra tal-Kummerċ, li tibqa’ msieħeb imprezzabbli fil-promozzjoni tal-kompetittività, il-governanza tajba u tmexxija responsabbli. “Il-futur ta’ Malta jiddependi fuq li nibqgħu inħarsu lejn opportunitajiet ġodda barra l-pajjiż, u li nkunu innovattivi u reżiljenti. L-imprendituri tagħna diġà urewna l-kapaċità tagħhom li jikkompetu globalment. Bħala Gvern, se nkomplu noffru l-kundizzjonijiet għal iżjed suċċess permezz ta’ politika stabbli, kollaborazzjonijiet b’saħħithom u diplomatiċi li jifhmu l-ħtiġijiet tas-settur privat ukoll,” temm jgħid Dr Borg.

