Il-komunitajiet fil-qalba tas-sostenibbiltà: skema biex tissaħħaħ l-azzjoni tal-volontarjat

Neville Gafa

~ 4 hours ago

Il-komunitajiet fil-qalba tas-sostenibbiltà: skema biex tissaħħaħ l-azzjoni tal-volontarjat

Tnediet is-sejħa għall-applikazzjonijiet taħt l-Iskema ta’ Appoġġ tal-Fond għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-Għaqdiet Volontarji.

 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia flimkien mad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.

 

L-iskema, b’investiment ta’ €100,000, hija mmirata għal dawk l-inizjattivi li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-tliet pilastri ta’ żvilupp sostenibbli, dak soċjali, ambjentali u ekonomiku. B’hekk tkun qed issaħħaħ ukoll l-irwol tal-għaqdiet volontarji fil-ħidma għall-iżvilupp sostenibbli f’Malta.

 

 

“Din l-iskema tpoġġi s-sostenibbiltà fejn tassew għandha tkun – fil-qalba tal-komunitajiet tagħna. Għalina, żvilupp sostenibbli jfisser kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu. B’din l-iskema qed ninvestu direttament fl-ideat u l-enerġija tan-nies, u qed nibagħtu messaġġ ċar li nemmnu f’soċjetà ċivili b’saħħitha u attiva. Irridu naraw proġetti li jħallu impatt reali u li jsaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet tagħna. Meta nsaħħu l-volontarjat, inkunu qed insaħħu wkoll id-demokrazija u l-parteċipazzjoni tan-nies fil-futur sostenibbli ta’ pajjiżna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

 

Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “dan il-fond huwa prova ċara tal-viżjoni politika ta’ dan il-Gvern, dik li nkomplu ninvestu fil-qalba tas-soċjetà tagħna, jiġifieri fl-għaqdiet volontarji li kuljum jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tan-nies u l-komunitajiet tagħna. Aħna nemmnu f’politika li tagħti s-setgħa lill-komunitajiet, li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva u li tibni żvilupp sostenibbli li ma jħalli lil ħadd lura. B’din l-iskema, qed nagħtu mhux biss riżorsi, iżda wkoll fiduċja f’dawk li huma l-mutur veru tal-bidla soċjali, ambjentali u ekonomika fil-pajjiż tagħna.”

 

 

Permezz ta’ din l-iskema, l-għaqdiet eliġibbli jistgħu jirċievu finanzjament sa 80% tal-ispiża eliġibbli tal-proġett, sa massimu ta’ €10,000 għal kull proġett, inkluż il-VAT. Il-proġetti għandhom ikollhom objettivi u riżultati ċari u jridu jitlestew fi żmien massimu ta’ 24 xahar mid-data tal-ftehim tal-għotja.

 

Taħt il-pilastru soċjali, jistgħu jiġu ffinanzjati inizjattivi relatati mat-tnaqqis tal-faqar, is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa u l-benesseri, edukazzjoni inklussiva, ugwaljanza bejn is-sessi, koeżjoni soċjali, ġustizzja u istituzzjonijiet b’saħħithom. Taħt il-pilastru ambjentali, il-proġetti jistgħu jindirizzaw l-ilma u s-sanità, l-enerġija sostenibbli, konsum u produzzjoni responsabbli, azzjoni klimatika, konservazzjoni tal-baħar u protezzjoni tal-bijodiversità. Fil-pilastru ekonomiku, l-inizjattivi jistgħu jippromwovu tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, xogħol diċenti, innovazzjoni, infrastruttura reżiljenti, tnaqqis tal-inugwaljanzi u bliet u komunitajiet sostenibbli.

 

Is-sejħa se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ġimgħa 24 ta’ April 2026 f’nofsinhar. L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu permezz tal-VO Funding Portal. Il-proġetti jridu jkunu marbuta ma’ wieħed mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *