Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, żar il-kumpanija MedservRegis plc. Din il-kumpanija bbażata f’Malta, tipprovdi servizzi integrati ta’ loġistika u appoġġ lill-industriji tal-enerġija, taż-żejt u l-gass, kif ukoll tal-minjieri.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema tal-kumpanija u ngħata tagħrif dwar l-operat estensiv ta’ din il-kumpanija, li kompliet issaħħaħ il-preżenza tagħha f’diversi reġjuni, fosthom fl-Afrika, fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani. Il-kumpanija toffri firxa ta’ servizzi li jinkludu l-ħażna, l-ispezzjoni, il-manutenzjoni, l-akkwist u t-trasport ta’ tagħmir użat fl-esplorazzjoni u fil-produzzjoni tal-enerġija.
Il-Prim Ministru żar ukoll il-mud plant tal-kumpanija, impjant mibni u mħaddem internament li jipproduċi materjal essenzjali għat-tħaffir għaż-żejt u l-gass. Dan kien deskritt bħala wieħed mill-assi ewlenin tal-kumpanija. Fl-istess waqt, ġie enfasizzat ukoll l-impenn tal-kumpanija lejn is-sostenibbiltà, fosthom permezz tal-investiment tagħha f’wieħed mill-ewwel solar farms li saru fiż-żoni industrijali ta’ Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar il-ħidma ta’ MedservRegis u sostna li kumpaniji bħal dawn juru kif Malta tista’ tibni ekonomija moderna bbażata fuq servizzi speċjalizzati, kompetenza teknika u investiment sostenibbli.
Il-progress ta’ kumpaniji Maltin bħal MedservRegis plc jikkonferma li pajjiżna għandu l-kapaċità mhux biss li jattira l-investiment, iżda wkoll li jsostni kumpaniji stabbiliti biex jkunu protagonisti f’setturi internazzjonali ta’ importanza strateġika.
Iż-żjara ntemmet b’laqgħa mat-tmexxija tal-kumpanija, li matulha ġew diskussi aktar fid-dettall il-prijoritajiet ta’ MedservRegis plc għaż-żmien li ġej.

