Meta l-pressjoni ssir prova tal-karattru, xi nazzjonijiet juru s-saħħa — oħrajn jitfarrku f’ Radda tas-Salib.

Fid-dinja moderna, fejn il-kumdità saret norma u mhux privileġġ, hemm kuntrast li ma jistax jiġi injorat. L-Iran, pajjiż li ilu aktar minn erbgħin sena jgħix taħt piż kontinwu ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u politiċi, baqa’ wieqaf. Ma ċediex. Ma sparixxiex, avolja ġie iżolat. Minflok, addatta, ħejja ruħu, u baqa’ wieqaf.
Dan mhux biss fatt ekonomiku jew ġeopolitiku. Dan huwa fatt psikoloġiku. Huwa prova ta’ kif soċjetà tista’ tittrasforma l-pressjoni f’identità, u l-assedju f’saħħa.
U mbagħad hemm id-dinja l-oħra, dik li mdorrija fil-lussu, fil-ħela’, bla ebda xkiel fejn jidħol kummerċ, u b’sistema globali li għal snin twal dehret invinċibbli. Din id-dinja, meta tħabbat wiċċha ma’ ftit ġimgħat ta’ tensjoni reali, tibda turi x-xquq kbar. Il-katini tal-provvista jitkissru. Is-swieq jitħawdu. Il-paniku jinfirex aktar malajr mill-kriżi nnifisha.

Għax il-qawwa vera ma titkejjilx meta kollox ikun ward u żahar, iżda meta kollox jibda jmur ħażin.
L-Iran ma sarx reżiljenti b’kumbinazzjoni. Sar hekk għax ma kellux għażla. Meta nazzjon jgħix taħt pressjoni għal għex ta’ snin, jitgħallem kif jerfa’ piżijiet kbar, kif jorganizza ruħu mill-ġdid, u kif jibni sistemi li ma jiddependux fuq il-ħniena tal-bqija .
Din hija l-loġika brutali tas-sopravivenza.
Id-dinja tal-lum, bil-maqlub, bniet ruħha fuq il-preżunzjoni tal-istabbiltà permanenti. U proprju għalhekk hija fraġli. Għax ma tħarrġitx biex tkun tiflaħ terfa’ l-piż, izda biex tikkonsma.

Dan mhuwiex argument favur jew kontra xi parti jew oħra fil-kunflitt. Huwa twissija dwar realtà li ħafna jippreferu jinjoraw: li r-reżiljenza ma tinxtarax, u lanqas ma tinbena’ f’lejl wieħed. Tinkiseb biss permezz ta’ prova, ta’ limitazzjoni, u ta’ sfida kontinwa.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija mhijiex dwar l-Iran jew dwar xi pajjiż ieħor.
Il-mistoqsija hija dwarna;
Aħna soċjetà mibnija biex tiflaħ terfa’, jew biex tikkrolla mal-iċken żiffa riħ?

