Il-kaos huwa parti integrali mill-ordni. Ma jista’ qatt ikollok l-ordni mingħajr il-kaos. Għax il-kaos huwa litteralment il-materja prima tal-ordni.
Fi żminijiet ta’ kriżi globali li esperjenzajna fl-aħħar snin, l-inċertezza m’għadhiex xi episodju rari, iżda strutturali. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni fundamentali mhix kif Gvern jevita l-maltemp, iżda jekk għandux il-kapaċità morali u istituzzjonali jaffronta l-maltempata mingħajr ma jitkisser.
Hawnhekk jidħol il-prinċipju ċentrali tat-tmexxija ta’ Gvern Laburista: mhux il-kontroll tal-futur, iżda l-kontroll ta’ kif jaġixxi. Kif jaġixxi f’temp ta’ kriżi. Għal aktar minn tlettax-il sena, Gvern Laburista qatt ma ppretenda li jista’ jipprevedi kull xenarju. Minflok iżda, bena Stat li kapaċi jadatta, jirreaġixxi b’dixxiplina, u jbiddel pressjoni f’progress.

Il-fiduċja, f’dan il-qafas politiku hija virtù mibni fuq prova kontinwa. Meta Malta għaddiet mill-kriżi tal-COVID-19, mill-impatti tal-gwerra fl-Ukrajna u mill-mewġ tal-inflazzjoni globali, Gvern Laburista ma ħaddanx politika tal-paraliżi. Aġixxa u poġġa lill-poplu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li ttieħdet. Il-ħarsien tal-impjiegi, l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, u l-investiment kontinwu fil-futur ma kienux reattivi, iżda xhieda ta’ karattru sod.
Gvern mingħajr karattru jitfarrak taħt il-piż tal-inċertezza. Jiġi mkaxkar minn avveniment għal ieħor, dejjem reattiv. Il-Partit Laburista, bil-maqlub, wera li l-karattru huwa l-pedament inviżibbli tiegħu: l-id soda li ma titħawwadx, id-determinazzjoni li tipproteġi dak li inkiseb tul iż-żmien, u l-kapaċità li żżomm direzzjoni anke meta l-orizzont ikun imċajpar.

L-ebda stat ma jista’ jikkontrolla s-swieq globali jew il-kunflitti internazzjonali; iżda stat iddixxiplinat jista’ jikkontrolla lilu nnifsu. Il-Gvern Laburista għażel din it-triq. Żamm l-istabbiltà fl-impjiegi, assorba x-xokkijiet fil-qasam tal-enerġija, ipproteġa l-familji, u kompla jinvesti fl-infrastruttura, l-Edukazzjoni u s-Saħħa. Din hija l-unika forma ta’ sigurtà li verament tgħodd: l-Istat ikollu l-kapaċità li jinnaviga dak li ma jistax jikkontrolla.
Hawn Gvernijiet li jinħakmu mill-kaos u jitfarrku, jitilfu l-orjentazzjoni politika u jsiru vittmi tal-istess forzi li jippretendu li qegħdin jiġġieldu. Mhux b’ kumbinazzjoni li Malta llum tinsab fost l-aktar ekonomiji żgħar reżiljenti fl-Ewropa, iżda b’konsegwenza ta’ adattament fuq il-paniku,direzzjoni fuq reazzjoni, u karattru fuq il-konfużjoni.

Il-filosofija Laburista tista’ liberalment tiġi espressa f’formola waħda: id-dinja tibqa’ kaotika, iżda mhux l-Istat. Gvern b’karattru sod ibiddel l-inċertezza f’opportunità, il-pressjoni f’kapaċità.
Bi Gvern Laburista fi tmun, il-poplu Malti għandu garanzija li Malta ma tkun qatt vittma tal-kaos globali. Dan huwa Gvern li jmexxi l-pajjiż b’għaqal u b’rieda qawwija kemm fil-bnazzi kif ukoll fil-maltemp.
Din hija Tmexxija soda. Din hija l-filosofija Laburista.

