Stat b’Karattru Sod: Il-Filosofija Laburista kontra l-Inċertezza Globali (2)

Neville Gafa

~ 3 hours ago

Stat b’Karattru Sod: Il-Filosofija Laburista kontra l-Inċertezza Globali (2)

Bosta Gvernijiet jagħżlu li jintrabtu ma’ illużjoni komda iżda perikoluża: li l-istabbiltà hija l-ordni naturali. Fil-verità, dan huwa żball fundamentali. Il-kaos mhuwiex devjazzjoni iżda l-kundizzjoni oriġinali tad-dinja. Fi żminijiet ta’ kriżi globali, l-inċertezza mhix xi episodju temporanju iżda struttura permanenti tar-realtà moderna.

 

F’dan il-kuntest, il-mistoqsija mhix jekk gvern jistax jevita l-maltempati, iżda jekk għandux il-kapaċità morali u strateġika li joħroġ minnhom b’direzzjoni u kontroll.

 

 

Għal tliet leġislaturi, Gvern Laburista ma aċċettax il-kaos bħala limitu, iżda ħa azzjoni u affrontah. Ma kienx reattiv; kien trasformattiv. Fejn oħrajn raw kriżi, dan il-Gvern ra opportunità li jsaħħaħ l-ekonomija, jipproteġi l-għajxien, u jikkonsolida l-koeżjoni soċjali. Il-pandemija ma ġarfitx lill-pajjiżna iżda ġiet miġġielda permezz ta’ miżuri li salvagwardjaw l-impjiegi u żammew il-magna ekonomika taħdem.

 

Il-kriżi tal-enerġija ma ġarrfitx lill-familji, iżda ġiet assorbita permezz ta’ politika li poġġiet l-interess nazzjonali qabel il-konvenjenza ideoloġika. F’perjodu ta’ dgħufija Ewropea, Malta żammet ritmu ta’ tkabbir li jikkonferma mhux biss reżiljenza, iżda uriet supremazija fuq ekonomiji ħafna akbar minn tagħna.

 

Gvern tassew b’saħħtu ma jitlifx il-ħin jipprova jbassar il-futur, għax jaf li l-futur mhux prevedibbli. Minflok, jibni fuq il-kapaċità u il-fiduċja istituzzjonali u jassorbi l-problemi. Juri determinazzjoni politika li ddawwar il-kriżi fi progress. Dan huwa s-sigriet ta’ tmexxija moderna: mhux li tirreżisti l-kaos, iżda li taffrontah b’dixxiplina. Mhux li taħrab mill-inċertezza, iżda li tużaha għal skopijiet favur pajjiżek.

 

 

Il-fiduċja hija att ta’ volontà kollettiva li, minkejja n-nuqqas ta’ ċertezza, il-pajjiż għandu l-istruttura u l-karattru biex joħroġ aktar b’saħħtu minn kull prova. Hija virtù mibnija mhux fuq kliem, iżda fuq esperjenza li tiflaħ taħt pressjoni. U proprju din il-fiduċja u dixxiplinata li tiddistingwi lill-Partit Laburista. Filwaqt li ħafna sistemi madwar l-Ewropa ċedew għall-paniku, Malta għażlet li timxi ’l quddiem: żammet l-ekonomija attiva, ipproteġiet il-familji, u biddlet kull kriżi fi prova konkreta ta’ reżiljenza nazzjonali.

 

Fil-qalba ta’ dan is-suċċess hemm il-viżjoni. Inħobb inqabbel il-viżjoni ma struttura tal-ħadid jew pedament li jżomm l-Istat wieqaf anke meta l-art taħtu tkun qed tithezzez. Mingħajr viżjoni ċara, kull amministrazzjoni ssir vapur mingħajr tmun, mitfugħ f’oċean ta’ kriżi. Il-viżjoni tal-Partit Laburista kienet ta’ ordni fuq il-kaos.

 

Il-viżjoni Laburista ma kinetx astratta iżda operattiva,  ta’ reżiljenza ekonomika, ġustizzja soċjali, sostenibbiltà, u opportunità. Għalhekk, l-għażliet diffiċli ma ġewx evitati, iżda ġew affrontati b’konvinzjoni, b’dixxiplina, u b’onestà.

 

Gvern Laburista żamm kmand sod fuq il-politika tiegħu, il-prijoritajiet tiegħu u n-narrattiva tiegħu. Fejn oħrajn għażlu l-awsterità jew il-paniku, dan il-Gvern għażel l-azzjoni u l-istrateġija, mhux reazzjoni.

 


Din il-politika adattiva bbażata fuq kunfidenza, viżjoni u kontroll fuq ir-rispons, tispjega għaliex fi żmien ta’ kriżi, taħt Gvern Laburista pajjiżna ħareġ sod u aktar magħqud, u ppreparat għall-futur. Mhix fortuna iżda metodoloġija li rebħet il-battalji li sibna ma wiċċna.

 

U hekk kif se naffrontaw sfidi ġodda, il-premessa tibqa’ waħda: id-dinja mhux se tikkalma. Iżda Stat li għandu viżjoni, kunfidenza u kontroll mhux se jistenna li tikkalma. Se jmexxi kif dejjem għamel.

 

Malta mhux se tkun vittma tal-mewġ li ġej. Se tkun il-forza li timponi direzzjoni fuqu.

 

Dik hija l-wegħda. Din hija Tmexxija soda. Din hija l-filosofija Laburista.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *