F’Jum il-Ħelsien, Malta tagħżel li temmen dak li hu veru

Neville Gafa

~ 2 hours ago

F’Jum il-Ħelsien, Malta tagħżel li temmen dak li hu veru

Illum il-31 ta’ Marzu, Malta iċċelebrat Jum il-Ħelsien.

 

Propju l-bieraħ, lejlet il-festa, il-Partit Laburista organizzat ċerimonja fil-Birgu. Għalija attendew il-Membri tal-Eżekuttiv tal-Gvern.

 

Jum il-Ħelsien huwa l-pedament tal-Libertà. Il-poplu Malti b’ġustizzja niċċelebraw id-dimensjoni politika tal-libertà: il-ħelsien minn sidien kolonjali, ‘self-determination’, Istituzzjonijiet Demokratiċi u salvagwardji Kostituzzjonali.

 

Niċċelebraw ukoll is-salvagwardji ta’ żewġ oqsma li huma pilastri essenzjali u kruċjali għall-poplu tagħna; l-Edukazzjoni u s-Saħħa.

 

 

Fost dawk li attendew sabiex jiċċelebraw is-salvagwardji ta’ żewġ oqsma kien hemm l-Onor. Joe Etienne Abela, il-Ministru għas-Saħħa.

 

Fl-istess waqt li l-Ministru għas-Saħħa mar jippoppa sidru quddiem il-cameras, mijiet ta’ ċittadini Maltin qegħdin jirċievu appuntamenti mill-isptar Mater Dei saħansitra datati Frar 2027. Fost dawn hemm anzjani li bil-kemm jifilħu jagħmlu pass, aħseb u ara kemm jistennew sena biex imisshom vista quddiem xi konsulent.

 

 

Ħaġa tal-iskantament kif sa ftit snin ilu konna għelibna għal kollox dan id-dewmien esaġerat li konna ilna ma naraw sa minn qabel l-2013.

 

Huwa stat ta’ fatt li taħt Ministri preċedenti, is-settur tas-Saħħa għamel passi ta’ ġgant li qatt ma konna għadna rajna u esperjenzajna bħalhom.

 

Żgur li meta għandek is-settur tas-Saħħa li qed jerġa’ jara dewmien esaġerat bħal ma konna naraw taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, allura iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħelsien żgur li mhux tissarraf kif għandu jkun f’ dan is-settur hekk sensittiv.

 

 

 

Illum mhux biss niċċelebraw dak li ksibna fl-1979, iżda dak li rridu nibqgħu nibnu: Nazzjon fejn kull ċittadin jesperjenza l-libertà esterna u interna, libertà politika u personali, kollettiva u individwali.

 

Il-libertà hija li nagħżlu li nemmnu dak li hu veru, minkejja l-ġlidiet li niffaċċjaw. Iżda li nagħżlu li nemmnu dak li hu veru, minkejja li wħud jippruvaw jaħbu fatti bħal dawn l-appuntamenti li qed jirċievu mijiet ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin.

 

U f’Jum il-Ħelsien, għal darb’oħra, Malta tagħżel li temmen dak li hu veru. 

 

Viva Malta Ħielsa 🇲🇹

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *