Pass ieħor ’il quddiem fit-trasformazzjoni tal-eks impjant tal-ħażna taż-żejt f’San Luċjan

Neville Gafa

~ 2 minutes ago

Pass ieħor ’il quddiem fit-trasformazzjoni tal-eks impjant tal-ħażna taż-żejt f’San Luċjan

Għada tinfetaħ il-konsultazzjoni pubblika dwar l-użu tal-art fil-Qajjenza

 

 

 

Minn għada tiftaħ il-konsultazzjoni pubblika dwar l-użu tal-eks impjant tal-ħażna taż-żejt f’San Luċjan, fiż-żona tal-Qajjenza f’Birżebbuġa. Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli.

 

Bil-pubblikazzjoni tal-oġġettivi, l-Awtorità tal-Ippjanar tkun qed tagħti bidu għar-reviżjoni parzjali tal-pjan lokali biex tiggwida r-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona, filwaqt li jibda t-tfassil tad-Development Brief.

 

Il-Ministri spjegaw kif l-inizjattiva ‘is-Siċċa’ hija wkoll konformi mal-objettivi strateġiċi tal-Gvern biex tissaħħaħ l-ekonomija blu u ħadra ta’ Malta, filwaqt li jinħolqu opportunitajiet ġodda għal żvilupp sostenibbli u aktar spazji pubbliċi miftuħa.

 

Miriam Dalli

“Dan huwa pass ieħor ‘il quddiem fil-pjan tagħna biex inbiddlu spazju industrijali f’sit sostenibbli u modern li jippromwovi l-innovazzjoni, l-ambjent u l-komunità. Irridu li l-viżjoni tagħna għal dan il-post tinbena fuq pedamenti mfassla b’konsultazzjoni u ppjanar bir-reqqa,” qalet il-Ministru Miriam Dalli. “Fl-istess waqt irridu nżommu l-wegħda tagħna mar-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar li rridu nħallulhom post isbaħ, wara li għal snin twal kellhom jgħixu u jadattaw għal impjant industrijali.”

 

Il-Ministru Dalli fakkret kif bħalissa għaddejja l-operazzjoni ta’ tindif tat-tankijiet għall-ħażna, fejn diġa tnaddfu disa’ minn 12-il tank. Il-materjal li jinġabar jiġi ppakkjat u maħżun f’kontenituri apposta u ppreparat għall-esportazzjoni fejn jiġi esportat skont ir-regolamenti ambjentali tal-Unjoni Ewropea ġo faċilitajiet iċċertifikati fl-UE.

 

Clint Camilleri

 

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri qal: “Nedejna partial local plan review sabiex hawnhekk ġewwa l-Qajjenza fejn għandna dawn in-numru ta’ tankijiet li llum m’għadhomx jintużaw jistgħu jinbidlu fi spazji rikreattivi, spazju miftuħ b’diversi wkoll attivitajiet anċillari sabiex nagħtu lura dan l-ispazju lill-pubbliku. Dan huwa proġett importanti ferm, proġett immexxi ‘l quddiem anki mill-Ministru Miriam Dalli u aħna bħala Awtorità tal-Ippjanar se nkunu qegħdin nagħmlu t-tibdiliet neċessarji fil-leġiżlazzjoni u fil-policies tal-ippjanar sabiex tali proġett ikun jista’ jsir u dawn it-tankijiet ukoll ikunu jistgħu jitneħħew minn hawn sabiex din iż-żona tingħata lill-pubbliku.”

 

L-objettivi proposti għar-reviżjoni huma mfassla biex jistabbilixxu viżjoni bilanċjata u li tħares ‘il quddiem għaż-żona, b’enfasi fuq:

 

Il-promozzjoni tal-edukazzjoni, l-innovazzjoni u t-teknoloġija

 

L-appoġġ għall-attivitajiet kulturali, ta’ divertiment u rikreazzjoni

 

It-trasformazzjoni ta’ hard surfaces f’żoni ħodor
Il-promozzjoni ta’ inizjattivi u investimenti sostenibbli

 

 

Dawn l-objettivi huma maħsuba biex jaħdmu flimkien sabiex jinħoloq pjan komprensiv ta’ żvilupp li jirrispetta l-karattru taż-żona filwaqt li jippermetti opportunitajiet ġodda għall-użu pubbliku, l-innovazzjoni u attività ekonomika sostenibbli.

 

Barra minn hekk, id-Development Brief għandu l-għan li jiżgura taħlita bilanċjata ta’ użi għas-sit.

 

Il-proposti se jfittxu wkoll li jtejbu l-aċċessibbiltà permezz ta’ aċċess aħjar għall-mixi kif ukoll il-provvista ta’ parkeġġ adegwat.

 

L-Awtorità tal-Ippjanar tħeġġeġ lill-partijiet kollha interessati biex jirrevedu l-proposti u jissottomettu l-kummenti tagħhom matul il-perjodu tal-konsultazzjoni. Aktar dettalji dwar il-konsultazzjoni jistgħu jinkisbu minn www.pa.org.mt/consultation.

 

Is-sottomissjonijiet għandhom isiru permezz tal-formola uffiċjali online disponibbli fuq

http://publicconsultation.gov.mt.

 

 

Kwalunkwe kjarifika għandha tintbagħat bl-email lil:

sanlucjan_consultation@pa.org.mt.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *