Il-Malta Federation of Organisations Persons with Disability (MFOPD) kompliet issaħħaħ ir-rwol tagħha bħala punt ta’ referenza ewlieni għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ u jappoġġjaw persuni b’diżabilità, billi tippromwovi d-djalogu madwar il-prinċipju fundamentali ta’ “Xejn Dwarna Mingħajrna”.

Permezz ta’ inizjattiva riċenti ta’ riċerka, l-MFOPD organizzat 16-il focus group li laqqgħu flimkien diversi organizzazzjonijiet rreġistrati magħha. Dawn is-sessjonijiet servew bħala pjattaforma importanti biex jiġu evalwati b’mod kritiku l-prattiċi attwali, jiġu identifikati oqsma fejn hemm bżonn ta’ titjib, u jiġi żviluppat ippjanar kollaborattiv għall-futur.
Din ir-riċerka saret grazzi għal finanzjament mill-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), b’investiment ta’ kważi €10,000.

Preżenti għall-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet minn din ir-riċerka kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo.
Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni wassal biex il-partijiet interessati jkunu aktar imsaħħa fil-ħidma tagħhom, b’mod partikolari fl-indirizzar tal-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. L-għan ewlieni jibqa’ dak li jissaħħu d-drittijiet, jitjiebu s-servizzi, u tiżdied il-kwalità tal-ħajja kemm tal-persuni b’diżabilità kif ukoll tal-familji tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ġust u ugwali għall-opportunitajiet kollha.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “huwa ta’ sodisfazzjon għalina li permezz tal-fondi VOPS qed inkomplu ninvestu direttament fis-settur volontarju, sabiex nagħtu vuċi aktar b’saħħitha lill-persuni b’diżabilità u lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom. Dan l-investiment mhux biss jappoġġja inizjattivi ta’ riċerka bħal din tal-MFOPD, iżda jikkontribwixxi wkoll biex jinħolqu politiki u servizzi aktar inklussivi, ibbażati fuq il-bżonnijiet reali tan-nies. B’hekk inkunu qed nibnu soċjetà aktar ġusta fejn kulħadd ikollu aċċess ugwali għall-opportunitajiet.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandalo, qal kif “il-VOPS apparti proġetti jinkludi wkoll riċerki, li huma importanti ħafna sabiex jinfurmaw b’mod aktar organizzat u xjentifiku lis-settur tal-volontarjat. Għaldaqstant huwa ta’ pjaċir li nkomplu naraw aktar għaqdiet li jieħdu din l-opportunità u jimplimentaw riċerki permezz tal-VOPS.”

