Titnieda għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet

Neville Gafa

~ 8 hours ago

Titnieda għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima indirizza t-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet, li qed titqiegħed għall-konsultazzjoni pubblika.

 

Din l-istrateġija hija frott ta’ proċess mifrux fuq sentejn, immexxi mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, b’kontribut minn diversi partijiet ikkonċernati, istituzzjonijiet, rappreżentanti tal-industrija u msieħba soċjali. Matul l-attività ġie rikonoxxut ukoll il-kontribut tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, l-OECD, tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll ta’ dawk kollha li taw is-sehem tagħhom f’dan il-proċess.

 

Clifton Grima

 

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Clifton Grima rrimarka li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma fost il-pedamenti ewlenin biex il-pajjiż ikompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tan-nies tiegħu u jħejjihom għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-futur.

 

“Nemmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma l-pedamenti li permezz tagħhom nagħtu lill-persuni l-għodod biex jiffaċċjaw il-futur b’aktar kunfidenza,” qal il-Ministru Clifton Grima.

 

Iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet Dr Jeffrey Pullicino Orlando sostna li, “L-istrateġija tkompli ssaħħaħ id-direzzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, li tqiegħed lin-nies fiċ-ċentru tal-iżvilupp nazzjonali, filwaqt li tfittex li tiżgura li s-sistemi ta’ tagħlim ikunu aktar relevanti, inklużivi u reattivi għall-bidla.”

 

Fost il-prinċipji ewlenin tagħha hemm il-ħtieġa li jkompli jissaħħaħ l-aċċess għat-tagħlim għal kulħadd, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll il-mentalitajiet li xi drabi jżommu persuni lura milli jinvestu fl-iżvilupp tagħhom. Dan għaliex it-tagħlim m’għandux jitqies bħala xi ħaġa limitata għal ċertu stadju tal-ħajja, iżda bħala proċess li jkompli matul il-ħajja kollha.

 

L-istrateġija tagħraf ukoll li l-iżvilupp tal-ħiliet ma jieqafx mal-edukazzjoni obbligatorja, iżda jkompli permezz tal-edukazzjoni vokazzjonali, terzjarja u tat-tagħlim għall-adulti, filwaqt li jwieġeb aħjar għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol.

 

F’dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-ħiliet jibqa’ element kruċjali sabiex Malta tkompli ssaħħaħ il-kompetittività, l-innovazzjoni, il-produttività u l-benesseri soċjali tagħha.

 

Il-Ministru Clifton Grima temm billi ħeġġeġ lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati kollha jieħdu sehem fil-konsultazzjoni pubblika, bil-għan li flimkien tissawwar strateġija li tkompli tappoġġa aktar opportunitajiet, aktar reżiljenza u aktar tagħlim tul il-ħajja.​​

 

Il-Konsultazzjoni Pubblika se tibqa’ miftuħa sal-Erbgħa 20 ta’ Mejju. Id-dokument jista’ jinkiseb mis-sit:

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *