Otto von Bismarck, bl-għerf enormi tiegħu kien għamel dikjarazzjoni li għadha valida sal-lum. “Preventive war is like committing suicide for fear of death.”
Li tipprevjeni gwerra minħabba l-biża mill-mewt hija suwiċidali. Wara din il-frażi hemm ħsieb filosofiku fundamentali marbut ma kwalunkwe tip ta’ tmexxija: min jaġixxi sforz l-ansjetà ma jkunx qed juri għerf, iżda paniku. Tmexxija ma tħalli qatt il-biża’ taħkem u tmexxi d-deċiżjonijiet tagħha; tagħżel il-mument b’serenita’ , b’ċarezza u b’għan ewlieni li jwassal għal rebħa.
Dan il-prinċipju hekk b’saħħtu jista’ jiġi applikat direttament fil-politika. F’pajjiżna, it terminu ta’ din il-leġislatura jiskadi fl-2027. Dan ifisser li l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss trid tissejjaħ sa nofs l-2027. Madankollu, ċertu kurrenti li qegħdin jiġu imbuttati mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista jissuġġerixxu li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jistenna sal-aħħar mument possibbli, bħallikieku t-tmexxija ta’ pajjiż hija xi eżerċizzju ta’ sopravivenza u mhux ta’ direzzjoni.
Din hija loġika ta’ xi ħadd li għadu mhux preparat sabiex imexxi l-pajjiż. Loġika difettuża għal skop malinn.

Il-mument li qed ngħixu fih joffri opportunità strateġika ċara u serena: li l-Elezzjoni Ġenerali tissejjaħ issa mhux att difensiv jew “preventiv”, iżda bħala espressjoni ta’ tmexxija b’saħħitha u li tħares ’il quddiem. Tmexxija li tħares l-aħjar interessi nazzjonali sabiex lil dan il-pajjiż inkomplu noffrulu konwinita’. Li tittardja mingħajr bżonn ikun ifisser biża’. Eżattament il-mentalità li ikkundanna Bismark.
Gvern Laburista m’għandux għalfejn jaħrab mill-ġudizzju tal-poplu. Se jkun qed imur quddiem l-elettorat b’rasu mgħollija. Mill-akbar rebħa elettorali tal-2022 ‘l hawn, ġew implimentati miżuri li affettwaw b’mod dirett ħajjet in-nies: tnaqqis fit-taxxa, żidiet fl-allowances u fil-paga minima, appoġġ lill-first-time buyers, titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-servizz pubbliku, u protezzjoni mill-impatti tal-kriżijiet globali fis-settur tal-enerġija. Il-qgħad baqa’ fost l-inqas fl-Ewropa, filwaqt li l-investiment fis-Saħħa, l-Edukazzjoni u l-Infrastruttura kompla jissaħħaħ. Fl-istess waqt, il-Viżjoni Malta 2050 qed toffri direzzjoni ċara u fit-tul.

Dan huwa Gvern li wettaq u li jinsab lest biex umilment jitlob mandat elettorali ġdid fuq bażi ta’ kisbiet konkreti u ambizzjonijiet imġedda. Elezzjoni issa tfisser att ta’ maturità demokratika. Tpoġġi l-ġudizzju f’idejn il-poplu fil-mument meta l-kisbiet tal-ħidma bieżla huwa friski u jinħassu minn kulħadd. Tnaqqas ukoll ir-riskju ta’ xhur twal ta’ politika tossika, polemiċi artifiċjali u tfixkil fil-ħidma parlamentari li żgur ma joffrux valur lill-familji Maltin u Għawdxin.
F’kuntest internazzjonali mimli tensjoni, mill-instabbiltà ġeopolitika sa inċertezzi ekonomiċi, mandat ġdid isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta. Joffri leġittimità mġedda biex il-pajjiż jaffaċċja sfidi ġodda b’ċertezza u direzzjoni, aktar milli jitkaxkar taħt pressjoni kontinwa.
L-Oppożizzjoni, naturalment, tippreferi xenarju fejn il-Gvern jiddubita minnu nnifsu, jistenna u jkaxkar saqajh. Dik hija politika mibnija fuq it-tama li ż-żmien jagħmel xogħolu. Iżda tmexxija vera ma tistenniex li l-affarijiet jinbidlu waħedhom, iżda tmexxi fil-mument.

Robert Abela
Robert Abela għandu prerogattiva kostituzzjonali ċara: li jagħżel il-mument tal-elezzjoni. Meta dan il-mument jintgħażel b’kunfidenza u mhux bil-biża’, dan ma jkunx “ħtif ta’ poter”, iżda eżerċizzju leġittimu ta’ Tmexxija responsabbli. Huwa sinjal ta’ fiduċja fil-poplu u ta’ rispett lejn il-proċess demokratiku.
Il-filosofija tal-Partit Laburista dejjem kienet waħda ta’ azzjoni, stabbiltà u progress. Mhix politika li tiddubita. Hija politika li twettaq u li tħares ’il quddiem.
Il-mument għal tiġdid reġa magħna. Bħalma Bismarck ċaħad il-loġika tal-qerda preventiva mnissla mill-biża’, Malta għandha tirrifjuta l-politika ta’ dewmien motivata mill-ansjetà u politika tossika tal-Oppożizzjoni. L-elezzjoni għandha tissejjaħ meta l-kundizzjonijiet ikunu favorevoli — u s-sinjali juru li dan huwa i-mument.

Wasal il-waqt li l-poplu jitkellem. Ħalli jiġġudika bejn rekord ta’ twettiq u kritika vojta u politika tossika tal-Partit Nazzjonalista. Sabiex jagħżel triq ta’ progress kontinwu taħt Tmexxija stabbli ta’ Robert Abela.
Għax fid-demokrazija, bħall-ħajja, l-għerf veru ma jinsabx fil-biża’, iżda fil-kuraġġ li timxi ’l quddiem meta jkun wasal iż-żmien.
Il-Partit Laburista jagħti riżultati. Dan huwa l-mument li niktbu l-kapitlu li jmiss għal Malta Aqwa.

