Faċilitajiet ġodda għal żwiemel sportivi rtirati

Neville Gafa

~ 1 hour ago

Faċilitajiet ġodda għal żwiemel sportivi rtirati

EquestriMalta, l-awtorità regolatorja responsabbli mill-isport taż-żwiemel, għenet żewġ għaqdiet volontarji sabiex jitwaqqfu faċilitajiet ġodda bl-għan li żwiemel irtirati mill-isport jingħataw kura u sistemazzjoni dinjituża wara li jtemmu l-karriera tagħhom. Din l-inizjattiva qed tissaħħaħ permezz tal-finanzjament ta’ EquestriMalta li tkompli tibni fuq il-ħidma tal-RMJ Horse Rescue u s-Second Chance Horse Rescue, li jiffukaw fuq is-salvataġġ, ir-riabilitazzjoni u l-kura taż-żwiemel sakemm tinstab akkomodazzjoni permanenti għalihom, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta.

 

 

Waqt żjara uffiċjali, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ra dawn il-faċilitajiet lesti biex jilqgħu numru ta’ żwiemel irtirati mill-isport. “Din hija inizjattiva li tkompli turi l-impenn tagħna lejn il-benesseri tal-annimali, b’mod partikolari dawk li taw kontribut fl-isport u issa jistħoqqilhom kura u rispett wara li jtemmu l-karriera tagħhom. Se nibqgħu nappoġġjaw inizjattivi li jsaħħu dan il-qasam u li joffru soluzzjonijiet konkreti u sostenibbli,” sostna l-Ministru Grima.

 

Il-faċilitajiet jinkludu remissi, paddocks u raddiena, li ġew installati u ffinalizzati fl-aħħar jiem. Ir-remissi jipprovdu kenn kontra l-elementi, filwaqt li l-paddocks joffru spazju adegwat fejn iż-żwiemel jistgħu jiċċaqalqu u jirrikreaw ruħhom. Ir-raddiena hija għodda essenzjali fir-riabilitazzjoni ekwina, li tippermetti eżerċizzju kkontrollat għal żwiemel li qed jirkupraw jew li għandhom bżonn jitjiebu fil-kundizzjoni fiżika tagħhom, filwaqt li tgħin ukoll biex titjieb l-imġiba tagħhom u tippreparahom għall-adozzjoni.

 

Dawn iż-żwiemel jinżammu temporanjament f’Malta sakemm ikunu jistgħu jitpoġġew f’faċilitajiet akbar barra minn Malta, b’mod partikolari fir-Renju Unit, fejn hemm spazji u strutturi adattati għalihom. Dan isir b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet volontarji li jaħdmu b’dedikazzjoni kbira favur il-benesseri taż-żwiemel.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta, Max Zammit, spjega kif il-proġett kien jinvolvi proċess estensiv ta’ ppjanar u kollaborazzjoni li dam għaddej kważi sentejn, inkluż xogħol infrastrutturali u koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet u sidien taż-żwiemel. Huwa rringrazzja lill-għaqdiet volontarji għall-impenn kontinwu tagħhom.

 

Iċ-Chairman ta’ EquestriMalta, Dr Dean Hili enfasizza li din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ il-ħidma tal-għaqdiet volontarji u tikkontribwixxi direttament għall-promozzjoni tal-benesseri tal-annimali, aspett li jibqa’ fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli tal-isport taż-żwiemel f’Malta.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *