Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul ħabbar pakkett ta’ tliet miżuri komprensivi u bbilanċjati bil-għan li jiġu mgħejuna ‘l fuq minn 900 familja ġdida, fosthom żgħażagħ li qed ifittxu li jixtru l-ewwel propjetà u anke persuni li għaddew minn separazzjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet Dr Andy Ellul spjega kif dak imħabbar għandu tliet għanijiet: Li jiżdied l-inventarju tal-proprjetajiet tal-akkomodazzjoni soċjali, li tingħata għajnuna lil dawk li qed isibuha diffiċli jixtru proprjetà jew saħansitra jikru minħabba separazzjoni aktar tard fil-ħajja u għajnuna liż-żgħażagħ li qed ifittxu li jixtru proprjetà.

Andy Ellul
Dr Ellul spjega li b’hekk il-Gvern qed jestendi u jsaħħaħ tlett skemi: Nikru Biex Nassistu, il-Housing Benefit Scheme u l-Equity Sharing Scheme.
“Dak li qed inħabbru llum jirrispondi għall-bżonnijiet dejjem jevolvu tas-soċjetà tagħna. Huwa pakkett ta’ miżuri li jkabbar l-aċċess għall-homeownership f’pajjiżna. Dan huwa l-mod kif għandha timxi ‘l quddiem il-politika dwar l-akkomodazzjoni, b’mod targeted, b’mod responsabbli, u b’mod li tkun iċċentrata u ffukata dwar in-nies,” sostna Dr Ellul.
Nikru Biex Nassistu (NIK)
L-iskema Nikru Biex Nassistu hija sinerġija bejn il-Gvern u l-privat. Il-privat jidħol f’kuntratt ta’ 10 snin biex il-proprjetà tinkera lil persuni fuq il-Lista ta’ Stennija tal-Awtorità tad-Djar għall-akkomodazzjoni soċjali.
“Illum, mal-1,400 familja għandhom saqaf fuq rashom grazzi għal din l-iskema. Permezz tal-bidliet li qed inħabbru se nkunu qed ninvestu aktar minn €5 miljun oħra,” stqarr Dr Ellul.
L-investiment se jieħu l-forma ta’ rati ħafna aktar vantaġġjużi. Ir-rati l-ġodda jammontaw għal ftit inqas mill-prezz tal-kirja medja ta’ Malta u Għawdex, wara li tikkunsidra il-benefiċċju li toffri din l-iskema fosthom: stabbiltà fit-tul għas-sid u anke għall-inkwilin; ħlas bil-quddiem u ffrankar ta’ taxxa.
Dr Ellul żied jgħid li dan l-investiment se jfisser illi mal-500 familja oħra se jkollhom saqaf fuq rashom.

Housing Benefit Scheme (HBS)
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ħabbar ukoll bidliet fl-iskema ta’ sussidji għall-kera privata, magħrufa bħala Housing Benefit Scheme. Din l-iskema tappoġġja lill-persuni li jikru mis-settur privat billi tipprovdi sussidji ta’ kull xahar għall-ħlasijiet tal-kera tagħhom. Dan jiżgura li l-kirja tkun affordabbli.
“Grazzi għall-bidliet li qed inħabbru llum se tinħoloq kategorija ġdida għal persuni li jikru, li għandhom 55 sena jew aktar u li huma separati,” spjega Dr Ellul.
Huwa qal li filwaqt li sal-lum dawn il-persuni jaqgħu taħt il-kategorija ta’ single u jirċievu sa massimu ta’ €4,200 fis-sena f’sussidju, b’din il-bidla se jaraw żieda ta’ €1,800 fis-sussidju massimu li jistgħu jirċievu. Għalhekk se jibdew jirċievu sa massimu ta’ €6,000 fis-sena.
Sal-lum id-dħul ta’ persuni f’din il-kategorija ma jistax jaqbeż il-€21,900 fis-sena, sabiex igawdu mis-sussidju tal-kera. B’dawn il-bidliet kull min jaqla’ sa €34,900 jista’ jibbenefika.
Madwar 400 persuna li qed jibbenefikaw mill-HBS bħalissa se jgawdu minn dan it-titjib. Magħhom se jgawdu kull min japplika mil-lum ‘il quddiem u jaqa’ taħt din il-kategorija.
“Din il-miżura għalhekk hija bidla targeted li ġiet xprunata minn realtajiet li qed niltaqgħu magħhom ta’ kuljum, u permezz tal-istess bidla issa se nkunu qed ngħinu kategorija ġdida ta’ persuni sabiex ukoll ikollhom saqaf dinjituż fuq rashom,” qal Dr Ellul.
Equity Sharing Scheme (ESS)
Dwar it-tielet bidla, Dr Andy Ellul qal illi l-ħidma tal-Gvern tibqa’ mmirata sabiex jiżdied l-aċċess għall-proprjetà. Fakkar li l-iskema tal-Equity Sharing tipprovdi aċċess għal dawk li ma jifilħux jiffinanzjaw proprjetà waħidhom u li għandhom bżonn ftit għajnuna.
B’din l-iskema, l-Awtorità tad-Djar tidħol bi sħab max-xerrej. L-applikanti għandhom jixtru mill-inqas 50% tal-proprjetà billi jużaw il-fondi personali. L-Awtorità tad-Djar tkopri s-self li jifdal.
Sal-lum setgħu jibbenefikaw biss dawk minn 30 sena ‘l fuq. “Grazzi għal dawn il-bidliet l-iskema se tiġi estiża għal dawk li għandhom 25 sena jew aktar,” spjega s-Segretarju Parlamentari.
“Iżda mhux biss. Se nagħmlu bidla oħra biex mill-ġdid nilqgħu għall-isfidi ta’ persuni separati,” kompla Dr Ellul. Minn issa ‘l quddiem persuni separati ta’ 40 sena jew aktar li jixtiequ jixtru l-proprjetà matrimonjali permezz tal-iskema Equity Sharing jistgħu jixtru din il-proprjetà b’valur massimu ta’ €350,000.
Dr Ellul qal li “Dawn il-miżuri qed juru li l-Gvern jifhem illi l-isfidi marbuta mal-akkomodazzjoni ma’ jolqtux lil kulħadd bl-istess mod imma jolqtu nies differenti, fi stadji differenti ta’ ħajjithom. Jolqtu lil dak iż-żagħżugħ jew żagħżugħa li jridu jixtru l-ewwel post tagħhom. Jolqtu lil dik il-persuna li tard f’ħajjitha għaddejja minn proċess ta’ separazzjoni, bl-inċertezza kollha li din iġġib magħha. Jolqtu lil dik il-familja li tgħix fil-kera. U għalhekk, dawn l-isfidi ma jistgħux jiġu solvuti b’xi soluzzjoni waħdanija.”
Dr Ellul temm jgħid li l-akkomodazzjoni mhux biss il-bini, imma hija sigurtà, stabbilita, opportunità ugwali għal kulħadd u fuq kollox dinjità għall-familji Maltin u Għawdxin.
Indirizza wkoll il-konferenza l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa li qal illi l-Awtorità qed tkompli timxi lejn sistema li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tal-ħidma u l-istrateġija tagħha. “Bir-riformi li wettaqna, mhux biss qed intejbu u nsaħħu l-iskemi b’aktar aġilità, iżda qed nassiguraw ukoll li l-benefiċċji tagħhom jaslu għand in-nies aktar malajr minn qatt qabel,” temm jgħid is-Sur Zerafa.

