“He who acts quickly and with purpose leaves no room for the enemy to gather his strength or find a way to stop the inevitable flow of change.”
— Gustavus Adolphus

Gustavus Adolphus, King of Sweden 1611-1632
Kliem il-kbir Gustavus Adolphus, Re ta’ Żvezja li mijiet ta’ snin ilu fehem u ħaddan prinċipju sempliċi iżda kruċjali: id-dewmien huwa dgħufija. Kull inċertezza tagħti spazju lill-avversarju biex jerġa’ jingħaqad, jerġa’ jorganizza ruħu u jfarrak dak li jkun diġà nkiseb.
Illum, din l-istess loġika strateġika tista’ tiġi kkunsidrata serjament sabiex tiġi affrontata l-qagħda attwali f’pajjiżna. Il-vantaġġ huwa kbir. Il-waqt huwa issa.
Taħt tmexxija soda, Malta żammet direzzjoni stabbli anke f’kuntest Internazzjonali mimli inċertezza. Gvern Laburista ħa miżuri konkreti biex jipproteġi l-familji u lill-ħaddiema. Żamm is-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwil, wettaq aġġustamenti kontinwi sabiex jikkontrolla l-għoli tal-ħajja, żieda wara l-oħra fil-paga minima, aktar benefiċċji soċjali, appoġġ għall-akkomodazzjoni soċjali u mitt ħaġa oħra.
L-ekonomija kompliet tikber b’rata ogħla mill-medja Ewropea, b’rata ta’ qgħad baxxa u investiment kontinwu f’setturi strateġiċi.
Gvern Laburista ġab tnaqqis fit-taxxa, opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, appoġġ għal min qed jixtri l-ewwel dar, edukazzjoni ta’ livell għoli, aktar spazji pubbliċi u passi konkreti li jwasslu lejn aktar awtonomija fis-settur tal-enerġija.
“Malta Aqwa” se tkun qed toffri kontinwità għal sistema li qed tagħti riżultati rekord.

L-istħarriġ politiku ta’ ġimgħa ilu jkompli jikkonferma li l-Partit Laburista jgawdi vantaġġ b’saħħtu li jikkonferma fiduċja sħiħa fil-Prim Ministru Robert Abela. Għaldaqstant, dan huwa l-mument sabiex nikkonsolidaw.
Dan huwa l-mument li jitlob azzjoni.
L-Oppożizzjoni tibqa’ maqsuma f’elf biċċa u mingħajr sens ta’ direzzjoni. Jikkmanda kulħadd u ma jmexxi ħadd. Huwa għalhekk li għandu jiġi evitat aktar dewmien li jista’ faċilment jissarraf f’opportunità biex l-Oppożizzjoni torganizza ruħha u tippreżenta narrazzjoni falza fil- konfront tal-progress enormi miksub matul dawn l-aħħar tlett leġiżlazzjonijiet.
Sinjuri, bħal f’ każ ta’ gwerra, il-politika hija wkoll battalja fejn iż-żmien huwa kruċjali. Min jikkontrolla ż-żmien, jikkontrolla r-riżultat finali.
Sejħa immedjata għall-elezzjoni ġġib magħha tliet vantaġġi strateġiċi:
• Toqtol kull ispirazzjoni u tama tal-Oppożizzjoni li tikkonsolida ruħha u li toħroġ fuq l-attakk.
• Tippermetti lill-poplu jagħti mandat sod abbażi ta’ riżultati konkreti u momentum pożittiv.
• Tissaħħaħ l-awtorità politika tal-Prim Ministru u l- Eżekuttiv sabiex ikomplu jimplimentaw aktar ġid għal Futur Aqwa.

Robert Abela
Xi wħud qed jinterpretaw il-fatt li elezzjoni ġenerali bikrija huwa sinjal ta’ djufija. Iżda l-akbar djufija hija li tħalli mument favorevoli jtir mar-riħ. Il-Gvern ikun f’riskju li jitlef il-momentum politiku u jkun qed jippermetti lill-Partit Nazzjonalista jiddetta t-termini tal-elezzjoni.
Il-Partit Laburista jinsab magħqud, ippreparat u b’viżjoni għas-snin li ġejjin. Il-mument strateġiku mhuwiex fil-futur. Il- mument opportun huwa issa.
Li tissejjaħ Elezzjoni Ġenerali f’dan il-mument mhix sempliċement deċiżjoni politika; hija mossa strateġika biex jiġi żgurat li l-momentum pożittiv ma jieqafx u li l-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem b’kunfidenza u stabbiltà.
Malta teħtieġ kontinwità. Malta teħtieġ kuraġġ.
U ż-żmien huwa issa.

