Alex Borg qed iwiegħed li jekk jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss, se jkun qed iżarma Transport Malta (TM) u jerġa’ jaqsamha fi tliet awtoritajiet separati. L- istess Alex Borg li ħareġ bl-għajta “Nifs Ġdid” qed iwiegħed proposti li jreġġgħu pajjiżna sittax il- sena lura.
Għal dawk li kienu għadhom ma twieldux, tajjeb li tkunu tafu li kien Gvern Nazzjonalista li ħoloq Transport Malta.

Laurence Gonzi
Lura fl-2010, taħt l-Amministrazzjoni Gonzi, u meta Alex Borg kien għadu fil-ħarqa, it-tliet entitajiet li kienu għadhom separati, l-Awtorità tat-Trasport (art), l-Awtorità Marittima (baħar), u d-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili (ajru) kienu ġew amalgamati f’awtorità waħda.
Ir-raġuni kienet l-Effiċjenza. Koordinazzjoni. Trażżin tal-ispejjeż. Governanza moderna. Dak iż-żmien, il-PN irreklama din il-mossa bħala riforma kuraġġuża u progressiva li kienet se ttemm il-qasma u il-mentalità tal-passat.
Illum, lejlet elezzjoni ġenerali, Alex Borg, dak li jridha tas-salvatur tal-politika Maltija, għadu kemm wiegħed li jerġa’ jdawwar l- arloġġ lura għal 16 sena.
Din hija amnesija politika.

Il-ħolqien ta’ Transport Malta ma kienitx deċiżjoni Laburista. Kienet l-invenzjoni tal-partit li llum huwa mmexxi minn Alex Borg. Dakinhar, Gvern Nazzjonalista għadda l-liġi. Il-Ministri Nazzjonalisti iddefendewha. Il-Membri Parlamentari tal-PN ivvutaw favuriha. U issa jridu jneħħuha bħallikieku qatt ma eżistiet.
Dan huwa vandaliżmu storiku taħt il-libsa ta’ riforma.
Il-poplu Malti mhuwiex stupidu. Jiftakar l-era Nazzjonalista mimlija skandli u skużi. Jiftakar kif il-PN iħobb jippriedka dwar il-governanza filwaqt li konvenjentement jinsa r-rekord tiegħu stess. Il-wegħda ta’ Borg hija konfessjoni ta’ falliment ideoloġiku. Meta ma jkollokx viżjoni, tattakka l-wirt tiegħek stess u ssejjaħlu progress.
Bħal kull entità oħra, Transport Malta tista’ ma tkunx perfetta, iżda s-soluzzjoni mhix li treġġga lura għal sitwazzjoni li l-partit tiegħek darba abolixxa b’mod ġust. It-tmexxija vera tiffoka fuq it-titjib u tipprova ttejjeb ir-riżultati. Minflok, Borg joffri diviżjoni u aktar burokrazija. Din hija politika Nazzjonalista klassika: oħloq problema, wiegħed li ssolviha, tneħħi l-poter, imbagħad twiegħed li terġa’ toħloq il-problema li solvejt.
Kull darba li Alex Borg jitkellem dwar “nifs ġdid,” ftakru li dan huwa biss l-istess nifs maqtugħ u rriċiklat Nazzjonalista. L-istess partit. Disprezz lejn il-konsistenza u l-intelliġenza tal-pubbliku.
Nappella lill-ħaddiema ta’ TM sabiex jevalwaw dak li twettaq minn Gvernijiet Laburisti u dak li qed jipproponi Alex Borg. Mal-Labour tafu fejn intom. Tafu x’ kundizzjonijiet għandkom. Ibżgħu għal dak li ksibtu. Ħaddieħor joffri biss inċertezza.

