Ippreżentat għall-konsultazzjoni pubblika l-pjan nazzjonali għas-settur tal-enerġija

Neville Gafa

~ 7 hours ago

Ippreżentat għall-konsultazzjoni pubblika l-pjan nazzjonali għas-settur tal-enerġija

Pjan strateġiku li jistabbilixxi kif fis-snin li ġejjin Malta u Għawdex se jimxu lejn enerġija nadifa

 

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli ppreżentaw il-pjan ta’ pajjiżna għas-settur tal-enerġija — pjan li jħares fit-tul u se jwassal biex jiġi mmassimizzat il-potenzjal tas-settur tal-enerġija b’hekk isir pilastru ta’ prosperità ġdida għal pajjiżna.

 

Dr Abela rrimarka li s-settur tal-enerġija kien il-bażi li minnha telaq il-proġett ta’ suċċess tal-Gvern lura fl-2013. “Dakinhar għamilna l-ewwel bidla mill-aktar żejt li jniġġeż tal-heavy fuel oil għall-gass u bdejna nwettqu l-proġett tal-ewwel interconnector. Tellaqna wkoll skemi qawwija favur aktar użu tar-rinovvabbli. Bidliet li saħħew l-ekonomija tagħna filwaqt li tejbu bil-kbir il-kwalità tal-arja u l-ħajja tal-familji tagħna. Issa wasal il-waqt, propju issa li nedejna l-Viżjoni Malta 2050, li nagħmlu l-qabża għal-livell li jmiss. Settur aktar diversifikat u nadif milli hu biex nassiguraw effiċjenza u sigurtà,” qal il-Prim Ministru.

 

Robert Abela

 

Il-Prim Ministru tenna li pajjiżna għandu jkun dejjem aktar ħieles u inqas dipendenti fil-mod kif jiġġenera l-enerġija. Qal li għalhekk l-enerġija alternattiva hija opportunità, filwaqt li saħaq li l-mod ta’ kif qed inħarsu lejn l-Offshore Project biex niġġeneraw l-enerġija bir-riħ fiż-Żona Esklussiva Ekonomika ta’ pajjiżna huwa pass biex insaħħu l-użu tal-enerġija rinnovabbli.

 

Dr Abela qal ukoll li l-Gvern se jkompli jagħti inċentivi b’saħħithom biex aktar nies jinvestu fl-użu fir-rinnovabbli. Huwa għamel referenza għall-iskema tal-pannelli għal dawk li m’għandhomx bejt, skema li se tagħti opportunità lil 500 familja biex jinvestu fir-rinnovabbli. Din il-miżura, qal il-Prim Ministru, tixhed l-impenn tal-Gvern biex pajjiżna jkompli jiddekarbonizza l-ekonomija tiegħu.

 

Huwa ħabbar ukoll li waħda mill-miri tal-Gvern għal gżira Għawdxija hija li tkun l-ewwel parti ta’ pajjiżna li ssir carbon-neutral. “Tant nemmnu fil-potenzjal ta’ Għawdex li se ninvestu f’submarine cable li se jservi bħala interconnector bejn iż-żewġ gżejjer,” qal Dr Abela.

 

Huwa temm jgħid li din il-viżjoni għall-enerġija hija żerriegħa oħra fil-prosperità ġdida li l-Gvern irid joħloq għal Malta u Għawdex.

 

Miriam Dalli

 

Min-naħa tagħha l-Ministru Miriam Dalli spjegat fid-dettall il-pjan, u qalet li r-relevanza tas-settur tal-enerġija kompliet tiżdied minkejja dak kollu li għaddej madwarna. “Dan huwa pjan li se jwassal biex Malta tilħaq l-għan ta’ ekonomija ħielsa mill-karbonju u jkompli joffri stabbilita fil-prezzijiet tal-enerġija. Pjan li jipproteġi liċ-ċittadini. Fejn jassigura li din it-transizzjoni ma ssirx b’piżijiet, la fuq il-familji u lanqas fuq in-negozji.”

 

Hija ddeskriviet dan il-pjan bħala wieħed ħaj, li ħafna minnu diġà qed jiġi implimentat. “Pjan, li għalkemm sod, jirrikonoxxi dak li għaddej madwarna u għalhekk ukoll pjan flessibbli,” qalet il-Ministru Dalli.

 

Hija kompliet tispjega li dan id-dokument huwa pjan ta’ trasformazzjoni li jpoġġi lil Malta f’pożizzjoni li tilqa’ l-isfidi tal-ġejjieni mingħajr ma jintilfu l-kisbiet li għamilna f’dawn l-aħħar għaxar snin.

 

Il-Pjan jelenka diversi proġetti u inizjattivi li għaddejjin bħalissa, kif ukoll dawk ippjanati għax-xhur u s-snin li ġejjin. Fosthom it-tielet interconnector (IC3) ma’ Sqallija (IC3), li se jaħdem fuq punt ta’ konnessjoni u vultaġġ differenti mill-ewwel tnejn, u b’hekk joffri diversifikazzjoni fis-sors tat-trażmissjoni.

 

Proġetti oħra jinkludu t-tieni interconnector (IC2), li bħalissa qed jiġi implimentat, iktar sistemi ta’ batteriji għall-ħażna (BESS), smart meters, skemi bħal Pannelli Bla Bejt, u l-portall diġitali tar-REWS.

 

Il-Viżjoni ta’ pajjiżna għas-settur tal-enerġija huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050 u mal-objettivi Ewropej tal-Green Deal, Fit-for-55 u REPowerEU.

 

Id-dokument għall-konsultazzjoni pubblika jista’ jiġi aċċessat hawn:

 

https://eur01.safelinks.protection.outlook.com/?url=https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2026/NL-0021-2026.aspx&data=05%7c02%7ccharmaine.bonnici%40gov.mt%7c9f38fc949e184b0d230508dea69ebe54%7c34cdd9f55db849bcacba01f65cca680d%7c0%7c0%7c639131398334611977%7cUnknown%7cTWFpbGZsb3d8eyJFbXB0eU1hcGkiOnRydWUsIlYiOiIwLjAuMDAwMCIsIlAiOiJXaW4zMiIsIkFOIjoiTWFpbCIsIldUIjoyfQ%3D%3D%7c0%7c%7c%7c&sdata=BS/iHwS%2BMOk5GVb4oF1IgBrD6CEb8%2B8/JGY2IKP7%2BQg%3D&reserved=0

 

 

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *